Inqatel iben bin Laden – Trump

FILE PHOTO - A photograph circulated by the U.S. State Department’s Twitter account to announce a $1 million USD reward for al Qaeda key leader Hamza bin Laden, son of Osama bin Laden, is seen March 1, 2019. State Department/Handout via REUTERS

Read in English.

It-tifel ta’ Osama bin Laden inqatel waqt operazzjoni kontra t-terroriżmu Amerikan, qal il-President Amerikan Donald Trump.

Fi stqarrija maħruġa mill-White House, Trump qal li l-operazzjoni li fiha nqatel Hamza bin Laden saret fir-reġjun bejn l-Afghanistan u l-Pakistan.

Trump sostna li l-qtil ta’ Hamza bin Laden ma jfissirx biss telf tal-mexxej u r-rabta simbolika mal-missier, iżda wkoll jimmina l-attivitajiet tal-grupp terroristiku.

Uffiċjal Amerikan li tkellem mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qal li Hamza nqatel xhur ilu viċin il-fruntieri bejn iż-żewġ pajjiżi. Dak iż-żmien Trump ġie mgħarraf bl-operazzjoni.

Hamza huwa maħsub li kellu 30 sena u kien ħa post missieru meta dan inqatel.

Osama bin Laden inqatel fl-2011 mill-forzi Amerikani.

Hamza kien ma’ missieru fl-Afghanistan qabel l-attakki tal-11 ta’ Settembru fuq l-Istati Uniti. Huwa kien ukoll preżenti fil-Pakistan ma’ missieru wara li l-Amerika invadiet l-Afghanistan. Ħafna mill-mexxejja għolja ta’ al Qaeda kienu marru l-Pakistan matul dak iż-żmien skont Brookings Institution.

Hamza tpoġġa fuq il-lista tat-terroristi globali fl-2017 wara li kien ħalef li jivvendika l-qtil ta’ missieru.

Reuters kien irrapporta li Hamza ilu maħsub mejjet fil-31 ta’ Lulju. L-istqarrija tal-White House tikkonferma għall-ewwel darba din l-operazzjoni li waslet għall-qtil ta’ Hamza bin Laden.