Awdjo: Inqast 18-il kilo u issa nista’ nimxi – Chris

Raġel bi problema ta’ piż żejjed tilef 18-il kilo fi ftit aktar minn xahar bl-għajnuna tal-programm tal-Fondazzjoni Kenn Għal Saħtek.
Ma’ Newsbook.com.mt, Chris Aquilina spjega li minħabba l-piż żejjed ma kellux saħħa jimxi, iżda fi ftit żmien tilef ħafna piż u llum qed jimxi anke għal ħin twil.
Kemm ilu li beda l-programm, Chris qal li jħossu aktar b’saħħtu u saħansitra jħoss li ħajtu nbiddlet totalment.
Chris spjega li l-kura tikkonsisti f’li jiekol proporzjon żgħir fuq bażi regolari. Jibda l-ġurnata bil-kolazzjon u fl-10am jieħu ikla żgħira. F’nofsinhar, jiekol l-ikla prinċipali, fl-4pm jerġa jiekol xi ħaġa żgħira u filgħaxija jieħu l-ikla ta’ filgħaxija. Ma’ dan hemm l-eżerċizzju.
Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Dr Anton Grech, Ċermen tal-Fondazzjoni li spjega li studju jpoġġi l-Maltin fost l-anqas nies li jagħmlu eżerċizzju. Barra minn hekk il-Maltin abbandunaw id-Dieta Meditteranja li hija waħda mill-iktar dieti tajba għas-saħħa.  
Dr Grech spjega li r-rata tal-obeżità f’Malta, speċjalment f’etajiet żgħar hija fost l-ogħla fl-Ewropa. Qal li dan jista’ jaffetwa s-saħħa tal-pajjiż fil-futur għax l-obeżità magħha ġġib mard tal-qalb, mard fiżiku u anke psikoloġiċi.
Il-Fondazzjoni Kenn Għal Saħħtek tgħin persuni li jbatu minn problema ta’ obeżità. Fuq bażi nazzjonali, Anton Grech qal li Kenn għal Saħtek lesta li tagħti l-għajnuna biex tikber l-edukazzoni u l-prevenzjoni.
Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Lulju, Kenn għal Saħtek flimkien mad-Dipartiment tal-Occupational Therapy tal-Isptar Monte Karmeli se jorganizzaw konferenza bit-tema “L-Ikel: Bżonn, Pjaċir jew Problema?”
Għal aktar informazzjoni dwar il-konferenza u s-servizzi tal-Fondazzjoni Kenn għal Saħtek tistgħu żżuru il-paġna ta’ Facebook: Kenn għal Saħħtek.