
Read in English.
Il-President Amerikan Donald Trump ħabbar li talab lill-uffiċjali tas-saħħa sabiex jibdew jagħmlu inqas testijiet għall-coronavirus. Huwa sejjaħ it-testijiet “xabla li taqta’ miż-żewġ naħat” peress li twassal biex jiġu skoperti każijiet ġodda tal-virus.
Ilbieraħ, Trump qal dan lil eluf ta’ partitarji. Fl-Istati Uniti ġew ittestjati 25 miljun persuna s’issa għall-coronavirus, li Trump ftaħar huwa ħafna aktar minn pajjiżi oħra.
Waqt l-attività bħala parti mill-kampanja presidenzjali tiegħu f’Oklahoma, Trump spjega lil dawk li jappoġġjawh li aktar kemm wieħed jagħmel testijiet, aktar se jsib każijiet, allura talab lill-uffiċjali tas-saħħa biex jagħmlu inqas testijiet.
Uffiċjal tal-White House qal li Trump kien qed jiċċajta meta għadda dan il-kumment.
Il-President żied jgħid li l-aġir tiegħu biex l-Amerka ma taċċettax nies ġejjin miċ-Ċina u mill-Ewropa salva eluf ta’ ħajjiet, iżda akkuża lill-midja “radikali” li ma tatux il-mertu xieraq għall-mod kif iffaċċja din il-pandemija.
Ħafna min-nies preżenti ma kinux lebsin maskri. Il-ġurnal internazzjonali Reuters jgħid li din kienet l-akbar attività li saret fuq ġewwa fl-Istati Uniti f’dawn l-aħħar xhur.