Inqas tadam u iktar frawli bejn Lulju u Settembru

Bejn Lulju u Settembru  il-provvista tal-frott u l-ħaxix frisk naqas b’7% filwaqt li l-valur  żdied bi 12.6 % meta mqabbel mal-2014.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika,  il-frott u l-ħxejjex mibjugħa permezz tas-swieq uffiċjali ammontaw għal 11.2 miljun kilogramma, b’valur ta’ €5 miljun. Dan ifisser tnaqqis ta’ 7% fil-piż u 12.6% ta’ tkabbir fil-valur bl-ingrossa fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Il-provvista tal-ħxejjex friski niżlet bi 8.3% għal 10.5 miljun kilogramma mqabbel mal-2014.
Kien irreġistrat tnaqqis ta’ 26.8% tat-tadam, 18.4% tal-kaboċċi u 11.8 % tal-qarabagħli. 
Il-provvista tal-frott frisk żdied għal 18.4%, l-aktar minħabba żidiet fin-nuċiprisk, frawli u ħawħ rispettivament.  Il-provvista tal-frott u l-ħxejjex friski pprovduti mill-bdiewa Maltin naqas b'6.7% fuq il-perjodu korrispondenti mal-2014. 
Il-bdiewa Għawdxin ikkontribwew 1.4 miljun kilogramma ta’ frott frisk u ħaxix, li jfisser 12%  tal-provvista totali.