Inqas studenti ta’ 18-il sena li jiksbu ċ-ċertifikat tal-matrikola

Minkejja żieda ta’ 53 reġistrazzjoni fl-2019, l-għadd ta’ studenti ta’ 18-il sena li kisbu ċ-ċertifikat tal-matrikola jidher li naqas mis-sena li għaddiet.

Dan ħareġ fir-rapport tal-Università ta’ Malta dwar ir-riżultati tal-MATSEC ta’ din is-sena. Dawn waslu għand l-istudenti matul il-jum tal-bieraħ.

Aqra: Jibdew jaslu r-riżultati tal-MATSEC

Ir-rapport jgħid li total ta’ 3,857 kandidat irreġistraw għall-eżamijiet tal-matrikola din is-sena. Minnhom, 1,788 kienu mwielda fl-2001. Mill-għadd kollu, 765 persuna rreġistrat għal minn tal-inqas żewġ suġġetti fuq livell tal-A-level u erba’ suġġetti fuq livell intermedju. Dan huwa n-numru eżatt ta’ suġġetti li wieħed irid japplika għalihom biex jikseb iċ-ċertifikat tal-matrikola f’sessjoni waħda. Ir-rapport jgħid li minkejja li kien hemm 53 aktar reġistrazzjonijiet fl-2019 mill-2018, kemm l-għadd ta’ persuni ta’ 18-il sena, kif ukoll l-għadd ta’ kandidati li poġġew għal biżżejjed suġġetti sabiex jiksbu ċ-ċertifikat tal-matrikola naqas.

Wara l-ewwel sessjoni ta’ eżamijiet għall-2019, 1,207 kandidat ingħataw iċ-ċertifikat tal-matrikola. 965 minnhom ġew imwielda fl-2001. Skont ir-rapport, fl-2019 kien hemm iktar kandidati li kisbu ċ-ċertifikat tal-matrikola mill-2018. Madanakollu dan huwa minħabba numru akbar ta’ persuni ta’ 19-il sena li ġew premjati ċ-ċertifikat tal-matrikola, filwaqt li l-għadd ta’ persuni ta’ 18-il sena naqas.