Inqas stress għal aktar saħħa fuq ix-xogħol

Fl-għeluq ta’ seminar imtella’ mill-OHSA, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli fissret kif l-istress fuq il-post tax-xogħol u r-riskji marbuta miegħu jistgħu jħallu effett negattiv mhux biss fuq l-istat ta’ saħħa mentali tal-impjegat iżda jaffetwaw ukoll lill-familjari tal-ħaddiema.
Hija enfasizzat l-importanza tal-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, hekk kif dawn iħallu riżultati pożittivi li jinkludu għażla aktar għaqlija ta’ miżuri relatati mas-saħħa u s-sigurtà kif ukoll żieda fil-motivazzjoni tal-ħaddiema nfushom.
Il-Ministru Dalli laqgħet b’mod pożittiv l-investiment li sar mill-kumpaniji u entitajiet differenti biex ikunu implimentati miżuri innovattvi ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Waqt l-istess seminar, l-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani tal-Amministrazzjoni Pubblika (PAHRO) u l-kumpanija Multigas Limited kienu ppremjati mill-OHSA għall-aħjar eżempji ta’ prattika tajba fuq il-post tax-xogħol.
Dawn ingħataw ukoll rikonoxximent flimkien mal-Fondazzjoni Richmond u l-Aġenzija Sedqa għall-impenn tagħhom fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo