Aġġornata: Inqas siġar għal iktar imwejjed tal-kafetteriji? – FAA

Flimkien għal Ambjent Aħjar ikkundannat it-tneħħija ta’ siġar parti mill-proġett ta’ tisbieħ ta’ Pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex. Fi stqarrija, l-għaqda ambjentali qalet li għall-kuntrarju tal-kampanja tan-Nazzjonijiet Maqgħuda li tnediet fis-sena 2006 bil-għan jiġu miżrugħa biljun siġra fl-ibliet madwar id-dinja, f’Għawdex, proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea qed jaraw it-tneħħija ta’ siġar.
Fl-istess stqarrija l-FAA saqsiet jekk it-tneħħijja tas-siġar mit-Tokk hux se jwassal biex jinħolqu iżjed spazji għall-imwejjed tal-kafetteriji tal-madwar, kif diġa’ ġara f’postijiet oħra f’Għawdex. L-għaqda semmiet ukoll kif il-proġett ta’ tisbieħ tan-Nadur ukoll qed jara t-tneħħija ta’ diversi siġar bl-iskuża li l-għeruq qed jagħmlu ħsara fis-sistema ta’ drenaġġ tar-residenzi. Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li fl-Ewropa jeżistu metodi alternattivi li jipproteġu mill-ħsara li jistgħu joħolqu l-għeruq iżda f’Għawdex dawn il-metodi mhumiex jintużaw.
Intant b'reazzjoni, il-Kunsill Lokali tan-Nadur wieġeb għall-istqarrija tal-FAA billi qal li x-xoghol fuq il-proġett qed jsir skond il-permess mill-MEPA, u li bħala parti minn dan il-progett qed jinqalgħu is-sigar li kien hemm fil-Pjazza u qed jiġu mħawla f'postijiet oħra fin-Nadur stess fosthom fiz-zona magħrufa bħala Ta' Bordin fejn skont il-Kunsill, qed jitħawwlu ammont kbir ta' siġar oħra.
Reazzjoni tal-Gvern

Intant fi stqarrija, s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej spjega kif il-qlugħ ta' siġar li jagħmlu parti mill-pjazza tat-Tokk, ma jagħmlux parti minnefqa tal-proġett ta’ tisbiħ li huwa ppjanat fl-istess pjazza u li se jkun iffinanzjat minn Fondi Ewropej. Is-Segretarjat qal li huwa kommess li proġetti li jsiru permezz ta' Fondi Ewropej, ma jkollhom ebda impatt negattiv fuq l-ambjent.