“Inqas persuni jistennew operazzjoni għal iktar minn sena u nofs”

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li naqsu b’iktar minn 90% dawk li ilhom jistennew operazzjoni għal iktar minn sena u nofs.
Waqt żjara li għamel fit-teatri tal-operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, il-Ministru qal li fl-2013 kien hemm 28,000 pazjent jistenna għal operazzjoni, li ftit iktar minn nofshom kienu ilhom jistennew operazzjoni għal iktar minn sena u nofs.
Saħaq li llum dawn naqsu għal ftit iktar minn elf pazjent.
Chris Fearne qal li l-attività f’dawn it-teatri matul il-Ħdud żdiedet b’mod konsiderevoli fl-aħħar sena, hekk kif bdew isiru l-operazzjonijiet pjanati anke nhar il-Ħadd. Sostna li fis-sena li ilhom isiru l-operazzjonijiet nhar ta’ Ħadd, s’issa saru diġà madwar 2,500.
Irringrazzja l-istaff kollu tat-teatri tal-operazzjonijiet għall-kapaċitajiet u l-ħidma tagħhom.
Ritratt: DOI – Jason Borg