“Inqas nies sidien ta’ darhom jaf ifisser problema fil-pensjonijiet” – Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jekk ikun hemm inqas nies li huma sidien ta’ darhom, fil-futur jaf ikun hemm problema fil-pensjonijiet.
Waqt il-Konferenza Nazzjonali dwar is-Suq tal-Kera, bħala parti mill-Konferenza Ġenerali Annwali 2017, il-Prim Ministru qal li mhuwiex biss konxju bl-isfida tas-suq tal-kera, iżda s-soluzzjonijiet li se jipprovdi mhux se jkunu ta’ issa biss.
Stqarr li hemm bżonn isir stħarriġ dwar jekk in-nies li qegħdin jikru, humiex jikru sforz limitazzjonijiet finanzjarji jew inkella minħabba bidla kulturali.
Għaldaqstant, il-Prim Ministru qal li għandu jkun hemm iktar inċentivi biex in-nies jixtru darhom filwaqt li qal li se titħabbar skema li tgħin lil min ma jasalx fid-depożitu.
Kompla jgħid li l-miżuri tal-housing qegħdin hemm għal min verament għandu bżonnhom filwaqt li stqarr li l-Gvern se jindirizza wkoll lil dawk li huma tal-klassi medja.
Il-Prim Ministru temm jgħid li trid tiġi eżaminata l-possibbiltà li kull kirja jkollha kuntratt.