Inqas nies jirreġistraw għax-xogħol fi Frar

Il-qgħad fi Frar kien ta’ 4,511. Ferm inqas minn dak reġistrat fi Frar ta’ sena ilu, li kien ta’ 6,190.
Dan ifisser li Malta kellha t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fl-UE fi Frar, fil-livell ta’ 5.1%.
Anke f’Għawdex il-qgħad fi Frar naqas, minn 774 sena ilu għal 678 fi Frar li għadda.
Skont l-NSO, it-tnaqqis seħħ f’kull kategorija ta’ dawk jirreġistraw għax-xogħol, l-iktar fost dawk li kienu ilhom jirreġistraw għal iktar minn sena.
Fejn jidħlu ż-żgħażagħ, il-Eurostat sostniet li Malta kellha r-raba’ l-inqas rata ta’ qgħad fl-UE fil-livell ta’ 10.8%.
Anke persuni b’diżabilità li kienu jirreġistraw għax-xogħol, naqsu, din id-darba bi 42.
L-NSO ħareġ ukoll ir-rata ta’ qgħad għal Settembru li għadda, li kienet fil-livell ta’ 2.5%.