Inqas nies imorru l-Quddies: il-kappillani jiddiskutu x’jista’ jsir

Ritratt: Kurja – knisja.mt/ritratti

Waħda mill-preokuppazzjonijiet tal-Knisja hija n-numru ta’ persuni li dejjem qed jonqsu milli jattendu għall-Quddiesa, speċjalment kull nhar ta’ Ħadd. B’hekk il-kappillani ta’ Malta ltaqgħu f’live-in fejn iddiskutew x’jista’ jsir biex aktar nies jerġgħu jibdew jipparteċipaw fil-Quddies.

Stħarriġ MISCO: 2 minn kull 5 imorru l-Quddies kull nhar ta’ Ħadd

L-istħarriġ li kien sar mill-MISCO u li kien ikkummissjonat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta kien sab, fost l-oħrajn, li huma biss tnejn minn kull ħames Maltin jew 40% tal-poplu Malti li jipparteċipaw fil-Quddiesa kull nhar ta’ Ħadd. Intant l-istess stħarriġ wera wkoll kif 92% tal-Maltin huma Kattoliċi u li minnhom 74% imorru l-Quddies minn tal-inqas darba fix-xahar.

Id-dettalji tal-istħarriġ ħarġu fi stqarrija mill-Kurja li tgħid li dawn iċ-ċifri kienu kkonfermati miċ-ċensiment li sar bejn it-2 u t-3 ta’ Diċembru tal-2017, li wera li l-attendenza għall-Quddies kienet ta’ 38%.

Il-kappillani jitkellmu dwar ir-realtajiet tagħhom

Il-kappilani tas-70 parroċċa f’Malta iddiskutew ir-realtajiet tagħhom flimkien ma’ tliet lajċi, l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Fil-live-in ġew ukoll mistiedna diversi esperti u kelliema oħra.

It-tliet lajċi li ġew mistiedna huma Joseanne Peregin, omm u membru attiva tal-Christian Life Community u ko-fundatriċi ta’ Drachma Parents; Joseph Pellicano, żagħżugħ li qed iħejji għaż-żwieġ Nisrani u counsellor; u Louise Laferla, omm, spiżjara, gradwata fit-Teoloġija u persuna attiva fil-Knisja.

Huma tkellmu dwar l-importanza li l-lajċi ffurmati ma jiqfux biss bil-parteċipazzjoni fil-gruppi Insara imma joħorgu mill-‘comfort zones’ tagħhom biex jassistu lill-kappillani fil-ħidma estensiva li għandhom fil-parroċċi. Din il-ħidma li hija mifruxa fuq diversi livelli u ssir bl-għajnuna ta’ lajċi impenjati tinkludi: iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u l-għoti tas-sagramenti l-oħra, it-talb fuq livell ta’ komunità u l-akkumpanjament spiritwali b’mod individwali, l-assistenza lill-persuni morda u dawk li għaddejjin minn diffikultajiet oħra tal-ħajja, u l-għajnuna konkreta lill-foqra fil-parroċċi.

Bżonn ta’ kollaborazzjoni bejn il-kappillani minn parroċċi differenti

Temi oħra li ġew diskussi kienu l-identità tal-kappillan u l-missjoni tiegħu fis-soċjetà, u l-importanza tal-kollaborazzjoni fejn il-kappillani jaħdmu aktar flimkien u jqisu lil-lajċi bħala kollaboraturi. Din is-sinerġija tgħin biex il-kappillani jkunu kreattivi fil-mod ta’ kif iwasslu l-esperjenza ta’ fidi lill-oħrajn, inkluż lil dawk li tbiegħdu mill-Knisja jew huma fil-periferija.

Għal-live-in ġie mistieden ukoll il-psikologu Dr Nicholas Briffa li tkellem dwar servizz ġdid ta’ sostenn u tisħiħ ħolistiku li qed jiġi pprovdut lis-saċerdoti mill-Kurja tal-Arċisqof.

Il-live-in ta’ tliet ijiem, li ġie organizzat mill-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani, jipprovdi wkoll ħin għat-talb u għal diskussjoni bejn il-kappillani u l-isqfijiet.