Inqas minn €600 f’pensjoni għal 33,000 pensjonant

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon stqarr li hemm ftit aktar minn 33,000 pensjonant li għandu pensjoni ta’ inqas minn €600.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonniċi, Falzon widdeb li madanakollu, din iċ-ċifra m’għandhiex tiġi interpretata weħidha peress li jista’ jkun li għandhom benefiċċji oħra, bħall-Għajnuna Supplimentari, Benefiċċju tal-Enerġija, Għajnuna Medika u l-Karta r-Roża li mhumiex ikkalkulati fid-dħul għall-fini tal-istatistika mitluba.

Fil-każ tat-8,197 persuna li qed ikunu kkwotati fit-tabella hawn isfel, illi għandhom pensjoni tas-servizz, il-Ministru spjega li aktarx illi dawn, meta tgħodd iż-żewġ pensjonijiet tagħhom, jaqbżu sew is-€600 fix-xahar.

L-istatistika pprovduta tinkludi wkoll każijiet fejn koppja miżżewġa, bejniethom ikollhom aktar minn €600 fix-xahar, iżda statistikament ikunu qegħdin jidhru bħala żewġ persuni individwali b’pensjoni ta’ anqas minn €600 fix-xahar.

Iċ-ċifri mogħtija jinkludu wkoll nisa (jew ukoll irġiel f’xi każi) fejn żwieġhom (jew marthom) għandhom pensjoni li hija ogħla minn €600 fix-xahar u allura anke f’dawn il-każijiet, bejniethom ikollhom ħafna aktar minn €600 fix-xahar, iżda statistikament wieħed jew waħda mill-koppja jkunu qed jidhru bħala persuna individwali b’pensjoni ta’ anqas minn €600 fix-xahar.

 

 

Tip ta’ PensjoniNumru ta’ Pensjonanti
Pensjoni Kontributorja21,069
Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz)8197*
Pensjoni Mhux Kontributorja4,024
Pensjoni Mhux Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz)7*
Total33,297

* Ibbażat fuq il-Pensjoni tas-Sigurtà Soċjali biss