Inqas minn 6% tal-migranti f’Malta jitilqu għal raġunijiet ekonomiċi

Inqas minn 6% tal-immigranti li waslu Malta telqu minn pajjiżhom għal raġunijiet ekonomiċi, juri studju riċenti mill-Università ta’ Middlesex, fir-Renju Unit.
Skont is-sit tal-università stess, ir-riżultat ixejjen il-ħrafa li l-maġġoranza tal-migranti li jaslu fl-Ewropa jagħmlu hekk primarjament biex itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom.
L-istudju Mapping Refugee Reception in the Mediterranean iħares lejn il-migranti li waslu f’Malta, Sqallija u l-Italja u l-mod kif dawn jintlaqgħu f’dawn l-ewwel pajjiżi li bosta drabi l-migranti jiltaqgħu magħhom fil-Mediterran.
Ir-riċerka wriet li 84% mill-miljun u tmint elef migrant li daħlu fl-Ewropa fl-2015, kienu ġejjin minn pajjiżi li sfortunatament jipproduċu refuġjati minħabba s-sitwazzjono lokali. Kwart minn dawn kienu tfa taħt it-18-il sena.
Ir-rapport jagħti dettalji estensivi, kif ukoll evidenza, dwar l-esperjenza tal-migranti ladarna jaslu fl-Ewropa.
Juri t-tbatijiet li dawn il-persuni jkollhom ikomplu jsofru meta jaslu f’Malta, Sqallija jew l-Italja, ewlenija fosthom l-uġigħ ta’ ras sabiex jakkwistaw il-protezzjoni internazzjonali.
Il-proġett kien iffinanzjat mill-Kunsill għar-Riċerka Ekonomika u Soċjali u d-Dipartiment għall-Iżvilupp Internazzjonali fi ħdan il-Programm għar-Riċerka fil-Migrazzjoni Mediterranja.
Ir-rapport sħiħ hawn taħt bl-Ingliż.