Inqas minn 20% tat-turisti jżuru Ħaġar Qim

Quddiem sitwazzjoni turistika li tiflaħ titjieb fir-reġjun tan-Nofsinhar, il-Ministu għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis ikkwota ċifri li juru li żoni turistiċi ta’ valur storiku bħal Ħaġar Qim jattiraw biss 19% tat-turisti li jżuru l-pajjiż.
Waqt seminar konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, il-Ministru Zammit Lewis qal li postijiet bħal Marsaxlokk, il-Kottonera u Wied il-Għajn huma attrezzati biż-żejjed biex jiġbdu lit-turisti madankollu hemm ħafna xi jsir sabiex it-turisti jagħżlu li jżuru dawn il-postijiet waqt il-btajjel tagħhom. Semma kif fin-Nofsinhar ta’ Malta wieħed jista’ jżur ukoll it-tempji tal-Ipoġew u ta’ Ħal Tarxien.
Waħda mill-problemi identifikati hija n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni turistika li jeżistu f’dawn l-inħawi ta’ Malta u semma kif sistema tajba ta’ trasport pubbliku għandha tgħin sabiex jagħmlu dawn iz-zoni iktar aċċessibbli.
Semma kif in-nofsinhar ta’ Malta għandu karatteristiċi distintivi minn dawk ta’ reġjuni Maltin oħra. Fost dawn hemm l-istorja tal-Kavallieri, il-portijiet, numru ta’ siti storiċi uniċi fosthom is-sit tal-Ipoġew li huwa klassifikat bħala wirt dinji. Semma kif il-Gvern għandu l-pjan li jwettaq proġett ta’ branding għar reġjun tan-nofsnhar ta’ Malta.