Inqas minn 1% tal-Pakistani jħallsu t-taxxa

Il-Gvern Ingliż jista jwaqqaf b’mod immedjat l-għajnuna finanzjarja li qed jagħti lill-Pakistan, wara li fil-Parlament intefa dawl ta’ kif l-aktar nies sinjuri fil-Pakistan ma jħallsux it-taxxa. Dawn jinkludu wkoll diversi ministri Pakistani.

Rapport ikkummissjonat mill-Parlament Ingliż juri li inqas minn 1% tal-popolazzjoni Pakistana kien ħallas it-taxxa tad-dħul is-sena li għaddiet.

Fil-Parlament intqal kif ir-Renju Unit hu lest li jirdoppja l-għajnuna tiegħu lil dan il-pajjiż mill-2014, madankollu l-gvern ġdid tal-Pakistan li se jkun elett f’Mejju li ġej, irid jagħmel ir-riforma meħtieġa ta’ kif jinġabru t-taxxi.

Membri Parlamentari qalu li ma jagħmilx sens li ċ-ċittadini tar-Renju Unit qed iħallsu għall-edukazzjoni ta’ tfal pakistani meta lanqas il-kbarat Pakistani m’huma jagħmlu dan.