Inqas irqad, inqas ħin mal-familja, imma sodisfatti – Prof. Gauci

Prof. Charmaine Gauci qalet li tul l-aħħar xhur raqdet ħafna inqas mis-soltu, u kellha inqas ħin mal-familja tagħha, imma kienet sodisfatta li sabet is-sapport ta’ familtha, u fuq kollox, uriet sodisfazzjon li Malta qed jirnexxilha taffaċċja din il-pandemija b’suċċess, bis-saħħa tat-tim kollu li jaħdem qatigħ.

Intervistata fuq Newsbook.com.mt minn Sylvana Debono lbieraħ, Prof. Gauci tkellmet dwar kif il-pandemija tal-coronavirus affettwatilha ħajjitha bħala s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Semmiet kif issa tiddependi aktar fuq familtha fl-affarijiet tad-dar, pereżempju billi binha u żewġha jsajru l-ikla ta’ filgħaxija minħabba li hi jkollha ġurnata impenjattiva barra mid-dar. Uriet gratitudni lejhom li fehmu li kellhom juruha aktar appoġġ f’dan iż-żmien ta’ prova. Qalet li tifhem, madankollu, li n-nies iħossuhom daqsxejn diżorjentati peress li r-rutina tagħhom sfaxxat fix-xejn ħabta u sabta, imma issa ħerqana biex tibda tara l-ħajja sejra lura għan-normal ftit ftit.

Prof. Gauci tkellmet dwar kif it-tim żgħir li s-soltu jaħdem fuq il-mard infettiv ma kienx biżżejjed, allura nħoloq tim ieħor u akbar ta’ professjonisti fis-saħħa pubblika. Ħasbu wkoll f’każ li xi ħadd minnhom jaqbdu l-coronavirus, allura pruvaw jinqasmu kif jixraq biex jipproteġu ruħhom.

During today's press briefing by Prof. Charmaine Gauci #COVID19 #StaySafe

Posted by Health Promotion and Disease Prevention Directorate on Wednesday, June 3, 2020

Mistoqsija dwar kritika li qalgħet li ġieli kienet taħrab mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Prof. Gauci fiehmet li ġieli kien ikun hemm mistoqsijiet b’ċertu dettall li ħafna drabi ma setgħetx twiġibhom sabiex tara li l-identità tal-pazjenti tibqa’ mistura. Semmiet ukoll li ma setgħetx tagħti informazzjoni prematura dwar pjanijiet jew miżuri li jkunu għadhom qegħdin jintgħaġnu.

Rigward il-vaċċin, Prof. Gauci spjegat li ma jafux eżatt x’hemm, imma jridu jkunu preparati, allura qegħdin jaħdmu fuq strateġija għall-influwenza, sabiex jaraw kif jistgħu jkampaw jekk titfaċċa l-influwenza u l-coronavirus ikun għadu fostna. Insistiet li kulħadd għandu jitlaqqam kontra l-influwenza. Temmet tgħid, “Jalla x-xjenza tibqa’ tavvanza ħalli jkollna tilqima.”

Rappurtaġġ addizzjonali: Liz Cutajar

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn