Inqas imwiet ta’ anzjani waqt il-pandemija

    L-imwiet ta’ anzjani rikoverati fl-isptarijiet u d-djar tal-anzjani naqsu din is-sena meta mqabbla mas-snin l-oħra, anki fil-perjodu ta’ lockdown għall-persuni vulnerabbli waqt l-imxija tal-coronavirus.

    Dan it-tagħrif ingħata mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ryan Callus.

    Skont tabella li tpoġġiet fuq il-medja tal-kamra tar-rappreżentanti, matul l-ewwel ħames xhur tas-sena mietu 1,210 persuna li għandhom iktar minn 65 sena li kienu rikoverati fl-isptarijiet u djar tal-anzjani, kemm dawk pubbliċi kif ukoll privati.

    F’Jannar biss mietu 100 anzjan inqas mis-sena li għaddiet bit-total ta’ mwiet minn Jannar sa Mejju tas-sena li għaddiet ilaħħqu l-1,319-il persuna, li kienet l-iktar sena li rreġistrat imwiet fl-aħħar ħames snin.

    Ftit tal-ġimgħat ilu, għal mistoqsija simili, id-Deputat Prim Ministru qal li ma kien hemm l-ebda ċaqlieq ‘il fuq fl-imwiet f’Malta meta mqabbla mas-sena li għaddiet tul l-imxija tal-Covid-19.

    It-total ta’ mwiet bejn Frar u April 2020, kien 992, meta mqabbla ma’ 1,026 fl-istess tliet xhur tal-2019. Skont ir-reġistru nazzjonali tal-imwiet, matul din is-sena kien hemm 312-il mewt fi Frar, 381 f’Marzu u 299 f’April, li b’xahar xahar kienu inqas mill-istess xhur is-sena li għaddiet. Tant hu hekk li skont l-istess reġistru nazzjonali tal-imwiet, fl-2019, kien hemm 351 mewt fi Frar, 373 f’Marzu u 302 imwiet f’April.

    L-għadd ta’ persuni li mietu bejn Jannar u Mejju maqsuma għal kull sena mill-2015 sal-2020 ta’ anzjani minn 65 sena ‘l fuq li kienu rikoverati fl-isptarijiet u fid-djar tal-anzjani, kemm dawk pubbliċi u privati hija kif tidher fit-tabella ta’ hawn taħt.

    JannarFrarMarzuAprilMejju
    2015295269272205194
    2016268223189194190
    2017342254223210208
    2018294284251226222
    2019338261272226222
    2020288227267223195