Inqas impjiegi vakanti fil-kostruzzjoni u s-servizzi

Fit-tieni kwart tas-sena 2018 jidher li naqas l-impjieg vakanti f’Malta fejn jidħlu l-industrija tal-kostruzzjoni u l-industrija tas-servizzi, meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Dan ħareġ minn statistika ġdida tal-Eurostat li tgħid li minkejja dan ir-rata ta’ impjiegi vakanti baqgħet stabbli.

Skont ir-rapport tal-Eurostat dwar ir-rati ta’ impjiegi vakanti, ir-rata taż-żona Ewro (EA19) qiegħda dik ta’ 2.1%. filwaqt li fl-Unjoni Ewropea (EU28) ir-rata hija ta’ 2.2%. Iż-żona Ewro tirreferi għad-19-il pajjiż li qed juża’ l-Ewro bħala l-munita ewlenija. Min-naħa l-oħra EU28 tirreferi għat-28 stat membru.

Il-figuri fir-rapport juru li meta kkumparat mal-istess kwart tas-sena l-oħra, l-impjiegi vakanti f’Malta fejn tidħol il-kostruzzjoni naqsu minn 2.1% għal 1.7%. Bl-istess mod, ir-rata tas-settur tas-servizzi naqset minn 3% u 2.4%.

Il-medja tal-EA19 turi żieda fiż-żewġ setturi bil-kostruzzjoni titla’ minn 1.6% għal 1.9% u s-servizzi minn 2.3% għal 2.4%. Min-naħa l-oħra, l-EU28 kien hemm żieda simili hekk kif il-kostruzzjoni telgħet minn 1.7% għal 2.1% u l-industrija tas-servizzi telgħet minn 2.3% għal 2.5%.

Minkejja li l-persentaġġi Maltin niżlu fis-setturi speċifiċi, Malta tinsab fost is-seba’ pajjiżi li baqgħu b’rata stabbli ta’ impjiegi vakanti meta wieħed iħares lejn l-ekonomija b’mod sħiħ. Fejn l-EA19 żdiedet minn 1.9% għal 2.2% u l-EU28 żdiedet minn 2% għal 2.2%, Malta baqgħet fl-istess pożizzjoni ta’ 2.2%.

Il-pajjiżi oħra li baqgħu stabbli huma d-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, il-Litwanja, il-Portugall u r-Rumanija.