Read in English.
L-għadd ta’ persuni li jinsabu rikoverati f’taqsimiet tal-kura intensiva għall-infezzjonijiet mill-coronavirus fi Franza naqas għall-ewwel darba sa mill-bidu tal-pandemija. Madankollu, ċifri ppubblikati mill-Ministeru tas-Saħħa wrew li l-għadd ta’ persuni li mietu fi djar tal-anzjani rdoppja f’jumejn.
Id-Direttur tal-Ministeru Jerome Salomon qal li l-għadd ta’ persuni f’kura intensiva naqas bi 82 jew 1.1% għal 7,066, ħamest ijiem wara li n-numru beda jonqos anke fl-Italja, fejn issa hemm 3,605 f’kura intensiva – sitt ijiem ilu dan in-numru kienet taqbeż l-4,000.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Salomon sostna li dawn in-numri juru li “id-difiża tagħna kontra din l-epidemija qattiela bdiet tħalli l-frott, iżda hu proprju għalhekk li rridu nkomplu nillimitaw il-kuntatt bejn in-nies”.
Madankollu, is-sitwazzjoni fid-djar ta-anzjani Franċiżi qegħda kull ma jmur issir waħda inkwetanti, hekk kif b’kollox l-ammont totali ta’ persuni li mietu żdied b’929, jew 52%, għal 4,166 f’jumejn.
Meta wieħed jgħodd ukoll l-imwiet fl-isptarijiet, li żdiedu b’412 (5%) għal 8,044, ir-rata totali ta’ mwiet telgħet b’1,341 jew 12% biex issa 12,210 persuna tilfu ħajjithom fi Franza.
Dan huwa r-raba’ l-għola ammont fid-dinja wara l-Italja, Spanja u l-Istati Uniti.