Inqas flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta rreġistra tnaqqis ta’ 34% fi flus foloz fl-ewwel sitt xhur tas-sena, meta mqabbel kemm mal-aħħar sitt xhur kif ukoll mal-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra.
Il-Bank qal dan fi stqarrija meta semma kif minn Jannar sa Ġunju tal-2017 rċieva rapporti dwar 422 karta tal-flus irtirati miċ-ċirkolazzjoni.
Meta mqabbel mal-għadd ta’ karti ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni f’Malta, medja ta’ ftit aktar minn 10.39 miljun fl-ewwel sitt xhur tal-2017, dal-proporzjon ta’ karti foloz huwa insinjifikanti, kompla l-Bank.
Dan ifisser ukoll li 422 karta falza misjuba f’Malta huwa proporzjon żgħir immens, dak ta’ 0.13%, meta mqabblin mat-total li nġabar fiż-Żona Ewro, jiġifieri 331,000 karta tal flus.
L-aktar karti popolari li nstabu foloz kienu dik tal-€20 u tal-€50 li jammontaw għal 73.5% tat-total tal-flus foloz maqbuda.
Il-Bank innota li l-proporzjon ta’ dawn iż-żewġ karti żdied, iżda dak tal-€10 naqas minn 36.9% fis sitt xhur ta’ qabel għal 17.3% matul dan il perjodu.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta temm iwissi biex dak li jkun joqgħod attent li karta ma tkunx falza, billi jittestjahom skont il-kunċett FEEL-LOOK-TILT kif spjegat fuq is sit elettroniku tal Bank Ċentrali ta’ Malta.
Ritratt: Arkivji