Inqas “extra duties”, inqas dħul għall-Pulizija

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta qalet li qed ikomplu jonqsu l-extra duties li jiġu assenjati lill-Pulizija.
Qalet li l-iktar każ riċenti jirrigwarda t-tmiem tal-għassa fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar.
L-Assoċjazzjoni qalet li dan se jwassal għal tnaqqis totali ta’ €100,000 fis-sena għall-membri tal-Korp tal-Pulizija.
Intqal li fis-snin ta’ qabel twaqqfu servizzi oħra ta’ extra duties fosthom dawk fl-uffiċini tas-Sigurtà Soċjali u f’dawk tal-Kummissjoni Elettorali.
Fakkret li membri tal-Korp mhux qed jingħataw l-opportunità li jagħmlu xogħol part-time, u għalhekk l-uniku dħul żejjed jista’ jsir biss minn dawn l-extra duties.
Fin-nuqqas ta’ dan, l-Assoċjazzjoni qed tisħaq li membri tal-korp għandhom jaħdmu 40 siegħa fil-ġimgħa bħall-ħaddiema l-oħra, flimkien ma’ reviżjoni tal-iskali.
Qalet li għandu jkun hemm ftehim settorjali għall-Korp tal-Pulizija fid-diskussjonijiet għall-ftehim kollettiv il-ġdid tal-ħaddiema taċ-ċivil.