Inqas ‘early school leavers’, aktar fondi għall-iskejjel privati

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Dolores Cristina tat rendikont qasir tal-ħidma tal-Partit Nazzjonalista fil-ħames snin li għaddew. Tkellmet dwar is-servizzi dwar il-ħarsien tat-tfal, li jinkludu l-klabbs 3-16. Semmiet il-bini ta’ skola ġdida kull sena, u l-għajnuna li qed tingħata lil tfal kemm bi problemi fiżiċi kif ukoll dawk psikoloġiċi.

Il-Ministru qalet li l-istatistika li ħarġet l-NSO il-bieraħ wriet li Malta fl-2011 Malta kellha rata ta’ 23% li kienu ‘early school leavers’, jiġifieri li jħallu l-iskola minn età bejn it-18 u l-24 sena. Il-Ministru qalet li dan jindika li Malta miexja fit-triq it-tajba, għaliex kien stmat li sal-2020 ir-rata kienet se tkun dik ta’ 29%. Minkejja dan it-titjib, il-medja Ewropea hija ta’ 17%. Il-Ministru qalet li fadal ħafna xi jsir f’dan ir-rigward.

Dr Simon Busuttil qal li t-tablet hija għodda edukattiva li se tgħin kemm lill-istudenti u lill-għalliema. Semma l-għotja ta’ €500 biex studenti jżuru pajjiżi Ewropej bħala parti mill-istudji tagħhom. Semma ż-żieda tal-għoli tal-ħajja li se jiġi inkluż fl-istipendji. Semma l-2000 scholarship li ingħataw tul dawn l-aħħar ħames snin. Fil-ħames snin li ġejjin Partit Nazzjonalista jżidhom għal 3000.

Ħabbar ukoll fond ta’ €2 miljun fis-sena lill-iskejjel indipendenti fuq medda ta’ ħames snin, biex b’hekk dawn l-iskejjel ikunu jistgħu jinvestu aktar fil-faċilitajiet tagħhom, minflok ma jżidu l-ispejjeż fuq il-miżati tal-familji.