Inqas cruise liners imma aktar kmamar

Fl-ewwel kwart tal-2018 kien hemm inqas cruise liners f’Malta imma kien hemm aktar kmamar mimlija.

Dan ħareġ mill-aħħar Aġġornament Ekonomiku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta bbażat fuq informazzjoni disponibbli sal-11 ta’ Ġunju.

Skont il-Bank Ċentrali, fl-ewwel kwart tal-2018 kien hemm 17-il żjara minn cruise liners f’Malta. Dan ifisser li kien hemm 17 inqas mis-sena ta’ qabel. Passiġġieri barranin naqsu minn 85,133 għal 69,725 imma skont il-Bank Ċentrali dan xorta huwa numru tajjeb.

Fl-ewwel tliet xhur tal-2018, ir-rata tal-okkupanza fl-istabbilimenti kollettivi tal-akkomodazzjoni telgħet għal 52.5% minn 49.6.% is-sena ta’ qabel. Kien hemm rati ta’ okkupanza ogħla f’kull tip ta’ akkomodazzjoni.

Skont l-istħarriġ, instab ukoll li d-defiċit kummerċjali naqas b’€371.2 miljun fl-ewwel erba’ xhur tal-2018 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017.