“Inqarrbu lit-tfal u ż-żgħażagħ lejn l-arti u l-wirt kulturali” – il-Ministru Herrera

Jitħabbru r-rebbieħa tal-kompetizzjoni virtwali ‘Be The Artist’: Heritage Malta tkompli tiġbed ġenerazzjoni ġdida lejn il-wirt nazzjonali

DOI / Omar Camilleri

Read in English.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, u Dr Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru, attendew għall-konferenza stampa fejn Heritage Malta ħabbret ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni virtwali ‘Be The Artist’, inizjattiva mnedija fl-eqqel tal-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna. Is-sottomissjonijiet artistiċi magħżula ser jiġu eżebiti fil-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, kif ukoll fuq is-sit elettroniku u l-paġna ta’ Heritage Malta fuq Facebook.

Bejn April u Ġunju, l-inizjattiva ‘Be The Artist’ stiednet lit-tfal ta’ taħt is-sittax-il sena biex jissottomettu l-kreazzjonijiet artistiċi tagħhom skont it-temi diversi ppreżentati minn Heritage Malta. Mit-tempji preistoriċi għall-ħelu tradizzjonali, mill-mużajk Ruman għall-arti esebiti fil-MUŻA, it-tfal Maltin u Għawdxin b’kollox issottomettew ’il fuq minn 260 biċċa tal-arti.

“Huwa kruċjali li nqarrbu lit-tfal u ż-żgħażagħ lejn l-arti u l-wirt kulturali,” enfasizza l-Ministru José Herrera. “Il-fatt li s-sottomissjonijiet rebbieħa ser jiġu eżebiti ġewwa l-MUŻA huwa premju prestiġġjuż għal kull min jixtieq li l-arti tiegħu tilħaq iktar nies.”

Dr Lydia Abela spjegat kif l-arti hija importanti ħafna għaliex trawwem sens ta’ kreattività, innovazzjoni u responsabbilità. “Malta għandha talent kbir fost it-tfal u ż-żgħażagħ li lkoll għandna nkunu kburin bih”, qalet Dr Lydia Abela, li saħqet dwar kif għandna nibqgħu naħdmu għal iktar aċċessibilità tal-arti għal kulħadd, irrispettivament mill-età jew faxxa soċjali.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit ħabbar li ser jerġa’ jibda l-programm popolari tas-sajf tal-Passaport tal-Istudenti ta’ Heritage Malta, li jżid l-aċċessibilità għall-wirt kulturali. “Il-programm ser jinkludi wkoll diversi attivitajiet artistiċi u fiżiċi madwar is-siti ta’ Heritage Malta,” spjega s-Sur Zammit. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit Heritagemalta.org mill-Ħamis 9 ta’ Lulju.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.