Inqabdu mal-€58 miljun f’kokaina mill-bidu tas-sena s’issa

Mill-bidu tas-sena s’issa nstabu mal-€58 miljun fi droga kokaina mid-Dipartiment tad-Dwana. Dan isarraf f’madwar 515 kilo kokaina.

Skont id-Dipartiment tad-Dwana s-sena l-oħra kienet waħda rekord fejn jidħol is-sekwestru tal-kokaina. Instabu total ta’ 285 kilo. Din is-sena, f’madwar 14-il ġimgħa d-dipartiment qabeż ir-riżultat tas-sena l-oħra bi kważi d-doppju.

Ritratti: Sejba ta’ kokaina b’valur ta’ €10 miljun

Illum, id-Dipartiment tad-Dwana sab 24 kilogramma kokaina f’container fil-Port il-Ħieles. Il-container kien ġej mill-Amerka t’Isfel.

Id-Dwana qalet li “l-ħidma tal-lum hija eżempju ieħor tal-kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tad-Dwana, tal-Pulizija, u l-awtoritajiet fil-Freeport. Kollaborazzjoni f’dan il-livell hija fattur determinanti biex il-Port il-Ħieles ta’ Malta jsir wieħed mill-aktar portijiet siguri fir-reġjun.”

€32 miljun f’kokaina maqbuda fil-Port il-Ħieles

Fl-2016 l-EMCDDA (Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ għad-Drogi u l-Vizzju tad-Droga) qal li l-kokaina hija l-aktar droga llegali ta’ stimulazzjoni komuni fl-Ewropa. Huwa stmat li bejn 3.6 miljun persuna ta’ bejn il-15 u 64 sena użaw il-kokaina fl-2015. Hija t-tieni l-aktar droga sekwestrata fl-Ewropa wara l-kannabis. Intqal li l-kokaina tiġi ttraffikata lejn l-Ewropa minn pajjiżi tal-produzzjoni tagħha fl-Amerka t’Isfel bl-ajru jew minn fuq il-baħar b’diversi metodi u rotot.