Inqabdu jistennew lil seħibhom ħiereġ minn serqa; jinżammu arrestati

Read in English.

Tliet persuni li l-età tagħhom tvarja bejn it-23 u s-26 sena nżammu arrestati wara li lbieraħ inqabdu fil-fatt waqt serqa minn villa fis-Swieqi.

Fil-Qorti ġie żvelat kif il-Pulizija rċeviet telefonata fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu li kien hemm suspett li kienet għaddejja serqa minn villa fi Triq Żejni. Malli waslu fuq il-post il-Pulizija sabu karozza startjata b’żewġ persuni ġo fiha. Il-Pulizija ċċirkondaw il-karozza u x-xufier malli ra hekk, prova jaħrab iżda rriversja fuq karozza oħra li kienet ipparkjata. Il-Pulizija pruvaw jiftħu l-bieba tal-vettura u kien hawnhekk li wieħed mill-uffiċjali weġġa’ ħafif. F’dan il-mument ħareġ it-tielet persuna mill-villa li allegatament kien daħal biex jagħmel is-serqa u t-tlieta li huma ġew arrestati f’daqqa.

Aqra wkoll: Jinqabdu jisirqu fil-fatt, 3 arrestati

Wieħed miż-żgħażagħ, li fil-Qorti qal li qed jistudja biex isir pilota, ġie akkużat li kien fil-pussess ta’ arma bil-ponta mingħajr permess, li hedded uffiċjal tal-Pulizija, li saq karozza mingħajr liċenzja u li huwa wkoll reċediv. Żagħżugħ ieħor ġie akkużat li hedded, insulta u darab ħafif lil uffiċjal tal-Pulizija, li saq mingħajr liċenzja tas-sewqan u għamel ħsara lil propjetà ta’ terzi persuni filwaqt li kien xurban. It-tielet persuna ġie akkużat li ta informazzjoni falza lill-Pulizija u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà wara li fil-passat kellu akkużi ta’ stupru.  

It-tliet akkużati, li huma kollha Libjani u residenti l-Gzira, talbu għall-ħelsien mill-arrest iżda dan ġie miċħud mill-Maġistrat Rachel Montebello minħabba l-biżà li tista’ tkun irranġata xi evidenza.