“Inqabdu f’vann li kienu se jużaw biex iwasslu s-sigaretti”

Ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest it-tlett irġiel li din il-ġimgħa nqabdu jdaħħlu Malta fuq dgħajsa minn Sqallija, 870,000 sigarett tal-kuntrabandu. Fil-Qorti nstema’ li l-irġiel inqabdu f’vann li jidher li kien se jintuża biex iwassal is-sigaretti mid-dgħajsa.

L-akkużati huma żewġt irġiel ta’ 29 sena minn Ħal Qormi u żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Marsa. Fil-Qorti, rappreżentant tad-Dwana ppreżenta diversi dokumenti.

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, l-akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u talbu għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat b’mod partikolari minħabba r-rekord kriminali ta’ wieħed minnhom, li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq akkużi simili.