Inqabad jipprova jbiegħ oġġetti misruqa fuq Maltapark

Raġel minn Ħal Qormi inżamm arrestat wara li ġie akkużat li seraq apparat tal-mużika mill-band lokali Cryptic Street. Ir-raġel li għandu 40 sena ġie identifikat bħala l-persuna li tellgħat post fuq Maltapark biex tbiegħ drums u amplifier. Dawn iż-żewġ oġġetti ġew identifikati mill-pulizija u kien ikkonfermat li nsterqu mill-garaxx tal-band f’Birkirkara.

L-investigaturi rnexxielhom jillokalizzaw lill-bejjiegħ wara li użaw ir-riklam bħala punt ta’ tluq. Hu ċaħad kull involviment fis-serqa u insista li hu kien xtara l-oġġetti mingħand xi ħadd ieħor. Hu wieġeb mhux ħati, iżda l-qorti qalet li r-raġel għandu rekord krimminali twil. Hu ġie mixli li kiser it-termini ta’ sentenza sospiża li kienet ingħatatlu kif ukoll li kiser erba’ digrieti ta’ libertà proviżorja. Hu ġie akkużat li kien reċidiv.

Hu talab għal ħelsien mill-arrest iżda din it-talba ġiet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni minħabba li l-investigazzjonijiet għaddejjin u li hemm ir-riskju li jiġu mbabsa l-provi. L-ispetturi tal-pulizija qalu li tilef l-opportunitajiet li ingħatawlu mill-qrati biex jirriforma ruħu wara li kellu diġà xi każijiet il-qorti. Huma żiedu jgħidu li l-persuna li l-akkużat semma u qal li xtara l-oġġetti mingħandha kien ċaħad dan waqt konfront li kellu wiċċ imb’ wiċċ mal-pulizija li bdew jinvestigaw dan.

Wara li semgħet dak li kellhom xi jgħidu ż-żewġ naħat, il-qorti preċediet u ma tatx il-libertà proviżorja lill-akkużat minħabba n-natura tal-akkużi u l-kondotta kriminali tal-akkużat.