“Inpattiha; lest li mmur il-ħabs għal għomri”; jitkeċċa u jhedded lill-kumpanija

Fil-qorti ntwerew aktar minn 80 paġna ta’ emails u messaġġi, uħud minnhom ta’ theddid, li ntbagħtu minn eks impjegat ta’ kumpanija legali f’Malta li keċċietu. Huwa qed jitressaq il-qorti akkużat b’serq, rikatt, theddid u li ġiegħel lil uħud jibżgħu mill-vjolenza.

Il-Pollakk ta’ 24 sena ċaħad dawn l-akkużi. Il-maniġer tar-riżorsi umani tal-kumpanija qalet li l-akkużat tkeċċa mill-kumpanija bħala konsulent, minħabba diversi lmenti mill-klijenti u mill-impjegati l-oħra li l-akkużat kien qed ikun xurban. Kien hemm ukoll xi kwistjonijiet oħrajn ta’ mġiba li wasslu biex huwa jitkeċċa.

Ftit wara li hu tkeċċa, is-sidien tal-kumpanija bdew jirċievu ħafna messaġġi fuq WhatsApp u emails mingħand l-akkużat. Biż-żmien, dawn il-messaġġi bdew jintbagħtu anke lill-impjegati u lill-klijenti.

Fost dawn il-messaġġi, kien hemm uħud li kienu ta’ theddida, b’wieħed minnhom jgħid, “Se jkollok it-tpattija ta’ raġel mit-Tramuntana. Lest li mmur il-ħabs għal għomri; nagħmilha.” Huwa mifhum li dan ir-raġel għamel ukoll referenza b’theddida għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u li bagħat numru ta’ ritratti inkwetanti lill-vittmi.

Il-kumpanija ħadet passi ta’ sigurtà meta l-akkużat bagħat ritratt ta’ dar maħruqa qrib lokalità fejn joqgħod wieħed mis-sidien tal-kumpanija. Huwa allegatament beda jitkellem ukoll ma’ mara ta’ sid minnhom, u anke lill-klijenti billi tahom informazzjoni falza fuq is-sidien u fuq l-impjegati tal-kumpanija, u beda jitlob il-flus. Hedded li jivvinta stejjer fuqhom biex iħammeġ ir-reputazzjoni tal-kumpanija.

Kien f’dan il-punt li ġiet infurmata l-Qorti bil-każ. Il-każ għandu jkompli jinstema’ iżjed tard dan ix-xahar.