Aġġornata (4): Innominat il-President ġdid ta’ Malta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat innomina lil George Vella biex iservi bħala l-President ġdid ta’ Malta.

Fuq Twitter, Muscat ħabbar li ssottometta n-nominazzjoni ta’ Vella wara konsultazzjonijiet kostituzzjonali. Qal li huwa kburi bil-vot unanimu tal-kabinett u tal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista favur in-nomina ta’ Vella.

Muscat qal li jinsab ċert li Vella se jkun figura li jgħaqqad lil Malta.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-Kabinett illum approva b’mod unanimu proposta tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex it-Tabib George Vella jkun nominat bħala l-għaxar President tar-Repubblika ta’ Malta.

Intqal li f’laqgħa li saret immedjatament wara, il-Grupp Parlamentari tal-Gvern ukoll appoġġa din in-nomina unanimament.

Skont il-Gvern, it-Tabib George Vella serva bħala Deputat Prim Ministru ta’ Malta u bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Ambjent bejn l-1996 u l-1998. Serva wkoll bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin fil-leġiżlatura ta’ bejn l-2013 u l-2017. It-Tabib Vella kien elett fil-Parlament għall-ewwel darba fl-1978.

Dr Vella twieled fl-1942 u għex iż-Żejtun. Huwa miżżewweġ ma’ Miriam née Grima. Flimkien għandhom tlett itfal u seba’ neputijiet.

F’Jannar li għadda, it-Tabib George Vella ma kellux kummenti x’jgħaddi dwar l-aħbar li l-Presidenza ta’ Malta qed tiġi offruta lilu, ladarba ttemm il-mandat tagħha l-President Marie-Louise Coleiro Preca f’April li ġej.

Vella kien ukoll deputat mexxej tal-Partit Laburista. Minbarra l-kwistjonijiet barranin, bħala tabib fil-professjoni tiegħu, Dr Vella jħaddan anke kwistjonijiet marbuta mas-saħħa u l-mediċina. Newsbook.com.mt kien tkellem miegħu f’April tas-sena li għaddiet, meta qal li hu kontra l-IVF, li l-abbozz ta’ liġi dwaru skontu “tgħawweġ l-etika, il-moralità, u d-dinjità umana.”

​“Il-liġi dwar l-IVF tgħawweġ id-dinjità umana” – George Vella

Fi Frar li għadda, meta mistoqsi dwar il-possibbiltà li l-President li jmiss ikun George Vella, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Delia qal li huwa jixtieq li l-President ma jkunx elett b’mod partiġġjan u li dwar Vella ma saritx diskussjoni bejnu u bejn il-Prim Ministru.

Ringrazzjament lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħabbar li fil-laqgħa ta’ dalgħodu, il-Kabinett iddiskuta l-Presidenza u rringrazzja lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca għall-ħidma “bla waqfien tagħha” tul dawn il-ħames snin li għamlet fil-kariga bħala d-disa’ President tar-Repubblika ta’ Malta.

Skont il-Gvern, kienu snin li matulhom il-Presidenza baqgħet man-nies u qrib sew tan-nies. Il-Kabinett qal li nnota wkoll il-ħidma tal-President f’oqsma oħra “li ħallew frott u ġid lill-pajjiż u lill-poplu.”

Il-Kabinett ħass li dan is-sehem tal-President Coleiro Preca m’għandux jieqaf mat-tmiem tal-ħatra tagħha bħala President f’April li ġej. B’konsultazzjoni mal-President ġie deċiż li mat-tmiem tal-ħatra tagħha ta’ President tibqa’ tmexxi l-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà li hi stess waqqfet kemm ilha tokkupa l-ħatra ta’ President ta’ Malta.

Fi kliem il-Gvern, din il-fondazzjoni se tkun qed iżżomm l-awtonomija tagħha biex tibqa’ taqdi l-funzjoni tagħha u tingħata wkoll ir-riżorsi li tħaddem preżentament.

Skont is-CV tiegħu, Vella ggradwa bħala tabib fl-1964.

Tista’ ssib is-CV ta’ George Vella minn hawn.

Reazzjonijiet għan-nomina ta’ Vella

Il-PN iddispċajut b’kif għamel l-għażla Muscat

Il-Partit Nazzjonalista qal li nnota “b’dispjaċir” li Joseph Muscat ma’ kienx kapaċi jirreżisti l-pressjoni partiġġjana interna. Il-PN qal li Muscat messu ħatar President millkamp politiku oppost jew wieħed li jġib il-qbil taż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Skont il-PN, dan kien ikun l-ewwel pass li juri l-Gvern irid idaħħal fis-seħħ tibdiliet li jagħtu kredibilità lil Malta.

Il-PN żied jgħid li n-nuqqas ta’ rieda min-naħa ta’ Muscat telfet l-opportunità għall-għaqda nazzjonali.

Il-PN qal li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament “biex jiġi assigurat l-indipendenza tal-istituzzjonijiet”.

Il-PN fakkar li kien ippropona li President tar-Repubblika maħtur biż-żewġ terzi tal-voti tal-kamra jista’ wkoll jingħata l-aħħar kelma meta l-Kamra tad-Deputati ma’ taqbilx b’żewġ terzi tal-voti dwar għażliet ta’ ħatriet ta’ kummisjonijiet u awtoritajiet  kostituzzjonali.

Il-PN se jkun qed ilaqqa’ l-Grupp Parlamentari sabiex jiddiskuti din il-ħatra.

‘Bniedem magħruf għall-integrità’ – PL

Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li t-tabib Vella hu bniedem magħruf għall-integrità tiegħu, għandu wkoll esperjenza twila fil-ħajja pubblika u għal bosta snin ħadem f’isem Malta fl-isfera internazzjonali.

Il-PL sellem ukoll lill-President Marie Louise Coleiro Preca għax-xogħol “impekabbli” li wettqet u għadha twettaq minn din il-kariga.

L-MEP Laburista Alfred Sant qal li n-nomina ta’ George Vella hija “mistennija u mistħoqqa,” u qal li hu tgħallem ħafna mingħandu. Skont l-eks Prim Ministru ta’ Malta, id-deċiżjonijiet għal Malta u l-Maltin ħadhom mingħajr partiġġjaniżmu, u għalhekk jaħseb li bħala President, se jagħmel l-istess.

“Vella dejjem wera integrità” – PD

Il-Partit Demokratiku qal li Vella dejjem wera integrità fil-ħajja politika tiegħu.

“B’danakollu, fil-kuntest tas-sitwazzjoni tal-politika f’pajjiżna, fil-mument kien ikun għaqli kieku ntgħażlet persuna li l-poplu kollu seta’ jħossu qrib tagħha,” qal il-PD.

Il-PD qal li l-ħatra hi prerogattiva tal-Prim Ministru u tiġi fformalizzata fil-parlament.