Innoċenti sakemm jinstabu ħatja – Il-Ministru Farrugia

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li jinsab infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta tosserva u tirrispetta l-preżunzjoni tal-innoċenza meta każ ikun għadu pendenti. Qal li dan id-dritt huwa wieħed sagrosant u jappartjeni lil kull individwu.

Il-Ministru Farrugia kien qed iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet tal-Membru Parlamentari Beppe Fenech Adami fil-Parlament, fejn fost l-oħrajn staqsa x’inhi l-proċedura adottata mill-armata fil-konfront ta’ membru tagħha meta jirriżulta li jkunu bdew proċeduri kriminali fil-Qorti.

Il-Ministru kompla jispjega li f’każijiet li jitqiesu ta’ natura serja, l-armata taħtar immedjatament Bord ta’ Uffiċjali li jagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar kif għandu jitħaddem l-individwu u x’restrizzjonijiet għandu jkun hemm fuq l-impjieg tiegħu. Qali li jiġi aċċertat ukoll li l-individwu jkun qed jaħdem taħt sorveljanza diretta.

Aqra: Arrestat suldat ieħor tal-AFM

Spjega li meta mbagħad ikun hemm każ li jiġi deċiż fil-Qorti, l-armata tevalwa l-offiża u s-sentenza mogħtija kif ukoll il-kondotta tal-individwu fuq il-post tax-xogħol, u abbażi ta’ dan tikkunsidra ż-żamma tiegħu jew le fis-servizz. Qal li f’każ li l-individwu jinżamm, ikun imwissi sabiex ma jagħmilx reati oħra u jaf ikun hemm riperkussjonijiet u implikazzjonijiet fuq is-servizz tiegħu. Sostna li din il-pożizzjoni ilha tiġi adottata fil-Forzi għal diversi snin u hija applikabbli għal kull membru.

“L-armata b’aċċess għall-fedina penali”

Il-Ministru spjega li qabel ma persuna tiġi ingaġġata bħala membru tal-Forzi Armati ta’ Malta, hija obbligata tiddikjara każijiet kriminali kemm passati kif ukoll pendenti. Barra minn hekk il-Forzi Armati ta’ Malta għandha aċċess għall-fedina penali ta’ kull applikant. Qal ukoll li kwalunkwe każ jiġi eżaminat skont il-policies tal-Forzi Armati ta’ Malta.

F’liema kuntest ġew dawn il-mistoqsijiet?

Dan kollu ġie fi sfond ta’ numru ta’ każijiet ta’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li tressqu l-Qorti b’akkużi differenti, fosthom dak fejn żewġ membri tal-korp qed jiġu akkużati bi qtil ta’ raġel mill-Kosta tal-Ivorju, liema qtil qed jiġi suspettat huwa wieħed razzjali.

Iż-żewġ irġiel Lorin Scicluna u Francesco Fenech, li skont il-Ministru stess, kienu ġew impjegati fl-armata flimkien, fit-30 ta’ Ottubru tal-2017, jinsabu taħt arrest waqt li qed jinstema’ l-każ tagħhom fil-Qorti, fejn mill-aħħar smiegħ ħareġ li hemm biżżejjed evidenza sabiex dawn jitpoġġew taħt att t’akkuża.

Aqra: Qtil Ħal Far – Biżżejjed evidenza biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża