Innijiet għad-Dawl tax-Xemgħa fil-Kunvent

L-iSchola Cantorum Jubilat qed torganizza il-kunċert annwali Carols by Candlelight li se jsir  il-Ġimgħa 15 u s-Sibt 16 ta’ Diċembru fil-Kunvent suġġestiv ta’ Santu Wistin fir-Rabat, Għawdex fis-7.30 p.m.
Dan il-kunċert jipprovdi l-isbaħ esperjenza għal min jixtieq jidħol b’mod iffukat għaż-żmien qaddis tal-avvent u eventwalment iċ-ċelebrazzjoni nisranija tat-twelid ta’ Ġesu’. Wara l-kunċert mimli innijiet ispirati mill-ġrajja tal-Inkarnazzjoni, dawk preżenti jkunu mistiedna jidħlu jgawdu l-qedem venerabbli tal-kunvent ta’ Santu Wistin fejn isibu mħejjija għalihom ikla b’ħames korsijiet afdata f’idejn Ta’ Frenċ.
L-ewwel parti tkun il-kunċert li jimla lil kulħadd bil-ferħ u bi spirtu qaddis tal-Milied. Se jitkantaw siltiet minn Rossetti, Gruber, Joubert, Head, Rutter, Yon, Galea, Pace u anke arranġamenti minn Willcocks u l-kompożitur residenti Portelli. Il-kor se jitmexxa mid-direttriċi tiegħu Marouska Attard li se tinterpreta wkoll biċċiet solo u dwett ma’ Albert Buttigieg.
Id-dħul imur kollu għal Dar Ġużeppa Debono li tindirizza l-attenzjoni tagħha lill-ommijiet singoli u tippromwovi l-ħajja u l-edukazzjoni f’dan il-qasam.
Il-biljetti jinsabu għall-bejgħ minn D’Amato Records Shop f’Valletta jew Bargate Bookshop fil-Victoria. Għal aktar dettalji kkuntattjaw lill-organizzaturi fuq info@scjchoir.com or jew inkella l-mowbajl  79450950.