Inneħħu “Revolving Doors” imma mhux fil-bini

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li l-Gvern qed jipproponi li fis-settur pubbliku titneħħa l-possibbiltà tal-kunċett ta’ revolving doors, jiġifieri moviment tal-persuni li jaħdmu fiċ-ċivil għas-settur privat.

Farrugia Portelli spjegat li skont emendi għall-abbozz ta’ liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, persuni fiċ-ċivil se jiffirmaw dikjarazzjoni biex għal sentejn wara t-tmiem tal-impjieg tagħhom ma jkunux jistgħu jaħdmu ma’ kumpaniji li kellhom kuntatt magħhom fil-ħames snin ta’ qabel.

Hija qalet ukoll li f’dawn l-emendi se jintroduċu ukoll il-valuri tal-amministrazzjoni pubblika.

Min-naħa tiegħu, d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li dan l-abbozz ta’ liġi qed jiġi diskuss mingħajr konsultazzjoni pubblika fejn il-Gvern lanqas biss ħareġ stqarrija dwar dawn l-emendi. Huwa kompla jgħid li lanqas ir-rappreżentanti tal-ħaddiema ma ġew ikkonsultati.

Aquilina qal li l-għan aħħari ta’ dan l-att huwa li jagħti aktar poteri lill-Prim Ministru.

Dwar il-protezzjoni mir-revolving doors, id-deputat Nazzjonalista qal li filwaqt li l-Gvern identifika lista meqjusa High Risk li se jkun obbligati li jiffirmaw dikjarazzjoni, minn din il-lista tneħħew is-Segretarji Permanenti, Awditur Ġenerali u l-Ombudsman.