Innaqsu l-miżuri? Inħallu l-istatistika titkellem – Marmara

Read in English.

In-numri jilagħbu rwol importanti peress li jipprovdu stampa ċara dwar x’qed jiġri f’pajjiż. Filwaqt li s-sitwazzjoni tvarja minn pajjiż għal ieħor, u minkejja li hemm elementi li jistgħu jgħinu biex jiddefenixxu d-daqs u l-kuntrast bejn pajjiż u ieħor, hemm wisq affarijiet mhux magħrufa minn aspett mediku dwar il-coronavirus u kull deċiżjoni dwar tneħħija tal-miżuri trid tiġi monitored u analiżżata għar-riskji.

L-Istatistiku Vince Marmara esprima l-opinjoni tiegħu waqt il-programm ta’ 103 Newsbook Hour.

Dr Vincent Marmara huwa statistiku u riċerkatur l-aktar magħruf għas-sondaġġi politiċi li jagħmel. Però wieħed mill-oqsma professjonali li jaħdem fihom huwa l-istima ta’ forza ta’ infezzjoni bbażata fuq epidemiological proxies inkluż dawk tal-influwenza.

Dr Marmara qal li hemm ftit wisq ‘numri’ li wieħed jista’ jqabbel bejn pajjiż u ieħor li jistgħu juru s-saħħa tal-COVID-19 mqabbel ma’ mard ieħor.

L-unika ‘numru’ li jista’ jintuża għal raġunijiet kumparattivi huwa r-reproduction ratio, li jfisser in-numru ta’ persuni li persuna marida tista’ tinfetta. Dan in-numru jista’ jintuża biex wieħed iqabbel sitwazzjoni ma’ oħra imma anke biex wieħed jifhem kemm hi kbira l-problema.

“Jekk in-numru huwa akbar minn wieħed, ifisser li l-virus qed jinxtered, għalhekk in-numru ta’ persuni infettati ġodda jiżdied. F’Malta kien hemm mumenti fejn in-numru kien ta’ 2.2. Fl-Ingilterra n-numru kien 2. Fl-Italja kien saħansitra 3.25. F’Malta sa ftit jiem ilu kienet 1.5.

“Dan huwa n-numru li jiggwida l-aktar deċiżjonijiet li jittieħdu mill-pajjiżi rispettivi.

“Id-deċiżjonijiet biex jirrestrinġu l-mobilità, u l-miżuri ta’ iżolazzjoni għenu biex ir-reproduction ratio ta’ Malta tibqa’ baxxa. Però, filwaqt li r-rata hija inqas minn ta’ pajjiżi oħra, xorta jibqa’ ta’ tħassib jekk in-numru jkun akbar minn wieħed,” qal Marmara. Żied jgħid li dan huwa virus ġdid u li hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwaru.

Apparti minn dan in-numru, hemm il-kwistjoni tal-incubation period li meta wieħed iqabbilha ma’ mard ieħor tikkumplika l-affari aktar. L-incubation period huwa l-perjodu minn meta wieħed ikollu l-virus sakemm joħroġu s-sintomi.

Hu spjega li fil-każ tal-COVID-19, dan ivarja bejn jumejn u 14-il ġurnata, u f’xi każi anke tliet ġimgħat, dan ifisser li persuna jista’ jkollha l-virus imma ma turix sintomi. Dan jista’ jkompli jxerred il-virus.

Stqarr li fil-każ tal-H1N1, l-incubation period kien bejn jum u erbgħat ijiem, filwaqt li r-reproductive ratio kien bejn 1.4 sa 1.5.

F’każ tas-seasonal influenza, ir-reproduction ratio huwa madwar 1.35 u jista’ jitla’ sa 1.2 fi ftit ġimgħat mingħajr miżuri drastiċi, b’incubation period ta’ bejn 1-5 ġranet fejn is-sintomi jidhru ftit wara li wieħed jiġi infettat (is-soltu madwar jumejn).

Fil-każ tal-COVID-19 bejn 50-80% tal-każi, in-nies ma jkunux jafu li għandhom il-virus għax ma jkollhomx sintomi.

Marmara qal li għalhekk il-miżuri ta’ kontroll huma kruċjali. Qal li dan m’għandux x’jaqsam mal-influwenza staġjonali. Qal ukoll li għadu mhux magħruf jekk jista’ ikun hemm mewġa oħra ta’ mard jekk ikun hemm każ ġdid fil-komunità.

Żied jgħid li meta jintlaħaq il-peak ma jfissirx li jkun għadda kollox. Ikun fadal il-bqija tal-kurva.

Dawn kollha huma affarijiet li wieħed irid jikkonsidra meta jkun qed jara x’miżuri se jtaffi. Marmara qal li kull pass irid jiġi segwit.

Dr Marmara qal li wieħed m’għandux jgħaġġel biex jasal għal xi konklużjoni abbażi ta’ dak li jiġri barra minn Malta. Qal li mhemm l-ebda pajjiż li jista’ jiddetermina l-peak b’livell għoli ta’ ċertezza jew jekk ikunx hemm it-tieni mewġa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn