“Inkwetanti li l-attakki fuq il-libertà qed naċċettawhom” – Ġorġ Mallia

Il-kartunista u Kap tad-Dipartiment tal-Midja u l-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta Dr Ġorġ Mallia qal li huwa inkwetanti li l-attakki fuq il-libertà tal-espressjoni qed naċċettawhom.
Huwa wera t-tħassib tiegħu waqt li kien intervistat dwar il-każ ta’ Charlie Hebdo fil-programm Follow Up fuq RTK f’għeluq it-tliet snin minn meta seħħ l-attakk fl-uffiċini tal-magazine satiriku f’Pariġi.
Huwa qal li ġraw wisq inċidenti simili ta’ Charlie Hebdo fl-aħħar xhur u "huwa inkwetanti li għax qed jiġru spiss bħal donnu rridu naċċettawhom bħal kull ħaġa oħra".
Jsemmi attakki li saru fi Brussell, f’Barċellona u Franza fejn kemm-il darba l-libertà kienet mhedda. Iqis dawn bħala “massakri tal-innoċenti ta’ żmiena” fejn in-nies ikunu mixjin fit-toroq u f’daqqa waħda jiġi trakk itajjarhom.
Mallia jfakkar kif il-każ ta’ Charlie Hebdo ma kienx biss attakk terroristiku fuq il-bnedmin iżda fuq l-istituzzjoni tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni.

Hawnhekk, Mallia jsemmi l-każ f’Malta fejn inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u saħaq li l-attakk ma kienx biss fuq Daphne imma fuq dak li tirrappreżenta. Jispjega li la nqatlet ġurnalista b’mod vjolenti, l-attakk “awtomatikament kien ukoll fuq il-possibiltà li l-persuna tgħid li għandha tgħid b’mod ħieles”.
Fil-programm, Mallia jinnota li r-reazzjoni tad-dinja għal dak li ġara fejn għadd kbir ta’ persuni identifikaw irwieħhom mal-vittmi u mal-kawża tal-libertà tal-istampa, “bla dubju għen lid-dinja biex tilqa’ għal attakki bħal dawn”.
Dwar il-kawżi SLAPP li seħħew f’Malta minn diversi entitajiet privati kontra gazzetti lokali, Ġorġ Mallia jgħid li ma kienx hemm daqshekk reazzjoni mill-Maltin minħabba li l-poplu fin-natura tiegħu huwa egoist.
Semma wkoll l-esperjenza tiegħu f’pajjiżi fit-tramuntana tal-Ewropa fejn qal li fil-pjazzez prinċipali tara numru ta’ barrikati kbar biex jassiguraw li vetturi kbar ma jidħlux viċin in-nies.
Tista' tisma' l-intervista sħiħa hawnhekk.