Inkwetanti li anke ta’ 15-il sena jfittxu riabilitazzjoni għall-vizzju tad-droga – OASI

Il-Fondazzjoni tiċċelebra d-29 anniversarju tagħha fil-Jum Dinji Kontra d-Droga

Il-Fondazzjoni OASI stqarret li hu inkwetanti u ta’ swied il-qalb li saħansitra żgħażagħ ta’ 15-il sena qegħdin jaffaċċjaw problemi bid-droga u jfittxu għajnuna f’riabilitazzjoni, normalment minħabba użu ta’ kokaina jew kannabis.

L-OASI, li taħdem kontra l-vizzju tad-droga u tara li tgħin lil dawk li jisfaw vittmi tiegħu, tagħlaq 29 sena minn mindu twaqqfet illum, propju fil-Jum Dinji Kontra d-Droga. Fi stqarrija maħruġa sabiex tikkommemora dan l-anniversarju, il-Fondazzjoni rriflettiet fuq kif kulma jmur, ikun hemm aktar żgħażagħ li jfittxu l-għajnuna sabiex jegħlbu dan il-vizzju, kif ukoll il-vizzju tal-alkoħol.

Issoktat tgħid li aktar kemm wieħed jibda jieħu d-drogi kmieni f’ħajtu, aktar ikun hemm probabbiltà li jkollu problema fl-użu tad-drogi tul ħajtu. Dan apparti x-xkiel li jġib miegħu l-użu tad-droga tul il-ħajja, bħal problemi f’relazzjonijiet, involviment fis-sistema kriminali, u kumplikazzjonijiet mediċi, anke mentalment.

L-OASI qalet li minn meta twaqqfet, xogħolha kien li xxerred l-importanza tal-prevenzjoni mill-użu ta’ dawn is-sustanzi, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Parti mill-ħidma tagħha minn dan il-lat hija billi tħeġġeġ liż-żgħażagħ jipparteċipaw f’attivitajiet bħall-arti u l-isport.

Hi u ttemm il-messaġġ tagħha, l-OASI fakkret li l-promozzjoni ta’ kultura fejn id-drogi, inklużi l-alkoħol u n-nikotina, jintużaw għall-gost, hija ta’ detriment qawwi. Irrimarkat li bosta nies qegħdin ifittxu dawn is-sustanzi sabiex jiksbu xi esperjenza spiritwali jew sabiex ifiqu minn xi ħaġa li jkunu għaddejjin minnha.