“Inkunu Knisja li tfittex toroq u metodi ġodda” – L-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech tenna sabiex kulħadd jinġabar madwar Marija, jitlob magħha u jitlobha biex tgħin lill-bnedmin jinfetħu għall-Ispirtu s-Santu għax hu dak li jista’ jgħin biex “l-għada niexef irabbi l-muskoli” u l-Knisja tkun waħda li tfittex toroq u metodi ġodda ta’ evanġelizzazzjoni.

Hekk temm l-omelija tiegħu Mons. Grech meta, kif kien ħabbar fl-aħħar Ittra Pastorali tiegħu f’Jum l-Omm għal din is-Sena Marjana, nhar l-Erbgħa 5 ta’ Ġunju għamel Att ta’ Affidament tad-Djoċesi ta’ Għawdex lill-Madonna Ta’ Pinu, fis-Santwarju tagħha f’riġlejn il-Kwadru li qed jagħlaq 400 sena.

Iċ-ċelebrazzjoni, minbarra li ħabtet f’wieħed mill-Erbgħat tal-Assunta, kienet ukoll ftit jiem qabel Pentekoste. Għalhekk, għad-dawl tal-Ispirtu s-Santu, l-Isqof għamel analiżi tal-qagħda li tinsab fiha l-Knisja llum, qalb “żmien ta’ tibdil kbir”, fejn “mhumiex ftit dawk li jinsabu fi kriżi ta’ fidi jew intlaqtu minn apatija reliġjuża”.

L-Isqof innota li kulma jmur il-komunità Nisranija qed tiċkien, u indika żewġ testi mil-Liturġija tal-Kelma bħala “x-ray tal-qagħda tagħna llum”. Ħafna Nsara “tilfu kull tama” u ma jarawx futur, għax spiċċaw bħall-għadam niexef qoxqox fil-wied li sab ruħu quddiemu Eżekjel fil-viżjoni li kellu dan il-profeta. Imma “quddiem dan il-qtigħ ta’ qalb, Alla jiżgura lil Eżekjel li jekk isejjaħ l-Ispirtu, dak li kien mejjet jerġa’ jqum”. It-tieni ġrajja hi dik ta’ Pentekoste ieħor, din id-darba fil-bidu tal-ħajja tal-Knisja, fejn ukoll l-Ispirtu jagħti l-ħajja lill-Appostli mwerwra.

“Dawn iż-żewġ manifestazzjonijiet tal-Ispirtu għandhom jagħmlulna l-qalb”, qal l-Isqof, meta “fostna wkoll jaf ikun hawn min huwa ttentat li jaħbat jegħja u jċedi fil-mixja spiritwali”.

“Fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom faċli li bħala komunità ekkleżjali nagħmlu bħall-bebbuxu u nidħlu f’qoxritna”, imma, ħeġġeġ l-Isqof Grech, “ħa niċċelebraw u nsejħu flimkien lill-Ispirtu s-Santu – fih inpoġġu t-tama tagħna! Għandna bżonn tal-Ispirtu s-Santu”, saħaq, għax “ma nistgħux noħorġu fit-toroq u fil-pjazez tagħna jekk qabel ma ngħaddux iċ-Ċenaklu biex nirċievu l-Ispirtu s-Santu: din il-qawwa minn fuq li biha jlibbisna l-Missier”. Imma qabel dan, jeħtieġ “niġu konxji li għandna għadam niexef”.

B’referenza mill-ġdid għal Pentekoste, l-Isqof fakkar id-dettall sabiħ li l-Appostli kienu miġbura madwar Marija, li għallmithom ukoll “jitolbu flimkien bla ma jaqtgħu”. “Jekk fuq il-Kalvarju Marija dehret bħala Omm il-Knisja, hawnhekk fiċ-Ċenaklu hija l-parrina tal-Knisja: hi li kienet diġà mgħammda mill-Ispirtu s-Santu, takkumpanja lill-Knisja fil-magħmudija tagħha”. Il-Knisja mhix Knisja mingħajr l-Ispirtu s-Santu, u bħal Marija, fih issib l-identità tagħha.

L-Isqof qabbel is-Santwarju Ta’ Pinu maċ-Ċenaklu u temm jgħid li b’dan l-Affidament ried jafda wkoll taħt il-ħarsien ta’ Marija lil dawk li huma barra mill-Knisja jew tbiegħdu minnha.

Fi tmiem il-quddiesa, meta l-Isqof u s-saċerdoti nġabru fil-Kappella tal-Madonna biex issir it-Talba tal-Affidament, xi fidili tellgħu xemgħat f’riġlejn il-Kwadru bħala sinjal tal-Knisja Għawdxija kollha li tafda ruħha f’idejn l-Omm tas-Sema.