‘Inkunu gvern li jagħmel suċċess mill-Presidenza Ewropea’ – Dr Simon Busuttil

Il-viċi kap tal-PN Simon Busuttil, qal li l-PN hu lest li jagħti direzzjoni lill-Malta anke meta lejn l-aħħar tal-leġislatura li jmiss, Malta se tieħu f’idejha l-presidenza tal-Unjoni Ewropea għal sitt xhur.

Fl-2017, Malta se tkun qed tmexxi l-presidenza tal-Unjoni Ewropea. Apparti l-miżura numru 90 tal-programm elettorali Nazzjonalista, din ftit li xejn issemmiet waqt din il-kampanja elettorali.

Meta mistoqsi minn Newsbook, il-viċi kap Nazzjonalista, Dr Simon Busuttil, tenna li l-Partit Nazzjonalista huwa lest li jkun gvern li matul il-presidenza, jagħmel suċċess. Dan b’differenza għal Partit Laburista, kompla jgħid Dr Busuttil, li miegħu ma tafx fejn qiegħed.

Huwa qal li gvern Nazzjonalista jkun lest li jieħu d-deċiżjonijiet anke f’mumenti iebsin, u ma jagħmilx bħal kif il-Partit Laburista ġab ruħhu fil-kwistjoni tal-Libja u ta’ Gaddafi.

Dr Simon Busuttil qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali fuq il-proposti li ħabbar il-Partit Nazzjonalisti ftit jiem ilu. Il-proposti, li huma kollha miżuri favur il-familja, jikkonċernaw il-ħolqien ta’ ‘pension account’ għal kull tarbija, il-proposta tas-sick leave li jista jintuża mill-ġenituri meta uliedhom jkunu mardu, u t-tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni.

Dr Busuttil qal li t-taxxa tas-suċċessjoni kienet taxxa li ddaħħlet taħt gvern Laburista, u li issa kien wasal iż-żmien li din titneħħa għal kollox.

Hu sostna li fl-ewwel sena ta’ gvern Nazzjonalista, titneħħa it-taxxa fuq il-propjeta residenzjali. Huwa stmat li din il-proposta tħalli €60 miljun aktar fil-bwiet tal-poplu.

Huwa temm jgħid li mhux aċċettabli li ftit aktar minn xahar qabel l-elezzjoni, il-Partit Laburista għadu ma preżentax il-programm elettorali u l-‘costings’ tiegħu.