Inkun populist jekk ngħid li se nneħħi l-IIP – Robert Abela

Il-kandidat għall-mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li jkun populist jekk jgħid li se jneħħi l-programm ta’ ċittadinanza.

F’konferenza għall-ġurnalisti fejn nieda l-proposti tiegħu, Dr Abela qal li se jippreserva l-programm ta’ ċittadinanza b’kull bidla u żidiet tar-regolamenti.

Mistoqsi jgħid jekk jippubblikax il-lista separata ta’ dawk li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija permezz tal-iskema IIP, Dr Abela qal li mhux se jagħmel dan. Iċċara iżda li ma jkunx supperv f’każ li l-lista tintalab tiġi ppubblikata biex l-iskema sħiħa tiġi salvata.

Huwa qal li l-aktar punt li jrid jara li jsir bidla fih huwa dak dwar ir-residenza. Mistoqsi jgħid x’tip ta’ proposti jara għall-bidliet f’dan il-qasam, Dr Abela qal li hemm ħafna x’jista’ jsir.

Stqarr li l-programm ta’ bħalissa huwa riġidu iżda fl-istess ħin qal li se jassigura li jkun hemm kontabiltà.

Fost il-proposti li ġew imnedija, Dr Abela qal li għall-problema tal-kiri se jkollu proposta innovattiva fejn il-Gvern jixtri propjetajiet vakanti u dilapitati u permezz ta’ manutenzjoni jibdew jinkrew bi prezz affordabbli.

Proposti oħra kienu dwar pagi aħjar tal-ħaddiema f’Malta, mediċini b’xejn għall-pensjonanti u proposta li jkun hemm aktar ħdura bil-ħamrija u aktar siġar fl-irkejjen f’Malta.