“Inkomplu nrawmu fit-tfal sens ikbar ta’ imħabba lejn il-qari”

Jason Borg

Read in English.

Kwart ta’ miljun ewro inġabru mill-Malta Trust Foundation sabiex jigu mgħejuna aktar minn 120 tifel u tifla li huma neqsin mill-viżta, jew tfal li huma fuq l-ispettru ta’ l-awtiżmu u li ma jkunu jikkomunikaw. Dan minn meta ngħata bidu għall-proġett “e3: empower, encourage and educate”.

Permezz tal-Qaritona Nazzjonali fl-Iskejjel Primarji studenti ta’ l-iskejjel primarji kkontribwew €15,000. Il-kumplament tal-fondi nġabru grazzi għal numru ta’ inizjattivi li ttieħdu mill-corporate partners tal-Fondazzjoni, Re/Max and Friends u minn membri oħrajn tal-komunita’ kummerċjali.

It-tielet edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali ġiet mnedija llum fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ l-Edukazzjoni, hekk kif inhu stipulat mill-Ġnus Magħquda.

Jason Borg

Ic-chairperson tal-Malta Trust Foundation, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li “il-Qaritona Nazzjonali issir sabiex jkun assigurat li t-tfal u ż-żgħażagħ kollha jkollhom l-opportunita’ li jkunu empowred, li jiġu inkoraġġuti u li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni.

“Dan huwa wkoll proġett ambizzjuż li għandu element qawwi ta’ parteċipazzjoni tat-tfal – proġett li hu wkoll kkaratterizzat minn sens kbir ta’ kollaborazzjoni.”

Għall-Qaritona Nazzjonali, il-Malta Trust Foundation fil-fatt qed tikkollabora mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, flimkien mal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilta’ ta’ l-Informatika (FITA), l-Autism Parents Association, l-Association of Speech and Language Pathologists, l-Għaqda Advice, id-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni, u mal-komunita’ kummerċjali grazzi għall-inizjattivi tagħhom bħala parti mis-CSR.

Marie-Louise Coleiro Preca qalet ukoll li “dan m’huwiex avveniment ta’ darba, iżda huwa parti minn kullana ta’ proġetti sostenibbli li huma ffaċilitati mill-Malta Trust Foundation. Bħala Fondazzjoni l-ethos tagħna huwa li nassiguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ kollha jgħixu ħajja dinjituża.”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li “bħala Gvern, aħna rridu niżguraw li nagħtu l-aħjar opportunitajiet possibbli għall-istudenti tagħna. Din il-qaritona nazzjonali hija inizjattiva mill-aqwa li tkattar imħabba lejn il-qari fost l-istudenti, speċjalment minħabba li hija mod mill-aħjar biex isaħħu l-għarfien u l-vokabolarju tagħhom u jżidu aktar il-konċentrazzjoni, filwaqt li nsaħħu l-esperjenza edukattiva tagħhom permezz ta’ forom differenti ta’ letteratura.”

DOI/Clodagh O,Neill

Bonnici għamel referenza għall-fatt li llum huwa wkoll il-jum internazzjonali għall-edukazzjoni u stqarr li l-qari huwa deċiżament aspett importanti biex wieħed isaħħaħ il-proċess edukattiv tiegħu. “ Aħna impenjati biex inkomplu nsaħħu s-settur edukattiv għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri,” ikkonkluda Bonnici.

Il-Qaritona Nazzjonali għandha żewġ skopijiet: li titkabbar l-imħabba lejn il-qari, filwaqt li fl-istess ħin issir solidarjeta’ ma’ dawk anqas ixxurtjati.

Is-Sur David Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qal li: “L-għan ewlieni tal-Qaritona huwa li nkomplu nrawmu fit-tfal tagħna sens ikbar ta’ imħabba lejn il-qari. Huwa ġest nobbli li wieħed jgħin lil sħabu fil-bżonn, u b’din l-inizjattiva t-tfal se jkunu jkun qegħdin jagħtu daqqa t’id filwaqt li jaqraw aktar kotba li huma għal qalbhom.”