Inkomplu kampanja pożittiva minkejja n-negattività ta’ ħaddieħor – Dr Joseph Muscat

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li l-moviment immexxi minnu se jibqa’ għaddej b’kampanja pożittiva minkejja n-negattività ta’ ħaddieħor. Waqt li ħa sehem f’diskussjoni taħt it-tinda ilbieraħ filgħaxija, Dr Muscat qal li trid tibqa’ tiġi emfasiżżata l-għaqda nazzjonali.

Tkellem dwar dak li sejjaħ bħala l-ispirtu ta’ serenità li jrid jintwera kemm-il darba l-Partit Laburista jingħata il-fiduċja tan-nies. Dwar l-investiment fuq il-proposti elettorali, Dr Muscat qal li l-importanti m’huwiex kemm tonfoq, iżda li tonfoq aħjar. Qal li bil-pjan finanzjarju tal-Partit Nazzjonalista, wara l-elezzjoni l-Gvern jew se jġib l-iskużi li l-miżuri ma jistgħux jitwettqu, jew se jfalli l-kaxxa ta’ Malta, jew se jżid it-taxxi.

Mistoqsi dwar it-trasport pubbliku, Joseph Muscat qal li gvern Laburista jkun kommess li jidħol f’diskussjonijiet mal-kumpanija Arriva u mal-Kunsilli Lokali, biex isir titjib tas-servizz.

Dwar il-kaċċa u l-insib, il-Mexxej Laburista qal li Malta trid taħdem fil-qafas tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea. Dr Muscat temm jgħid li l-kaċċa illegali m’hijiex permessibbli, iżda qal li l-kaċċaturi Maltin għandhom ikunu trattati bħall-kaċċaturi Ewropej.