Inkjesti f’iqsar żmien, ħadd mhu Repubblika għalih – Zammit Lewis

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis saħaq dwar il-bżonn li l-inkjesti jinqatgħu fl-iqsar żmien biex ma jbatux iċ-ċittadini.

F’diskors li għamel fil-Parlament it-Tlieta, il-Ministru kien qed jagħmel il-winding up tad-dibattitu fuq abbozz tal-liġi dwar ir-rikavat mill-kriminalità, li ġie approvat mingħajr il-bżonn ta’ vot fit-tieni qari tiegħu. Hu stqarr li l-ġustizzja tpoġġi liċ-ċittadini fin-nofs u ħadd mhu repubblika għalih waħdu.

Zammit Lewis ħabbar li bħala parti mill-investiment biex jissaħħaħ il-Bureau tal-Irkupru tal-Assi, hu proġettat li jinbena maħżen f’Ħal Far b’investiment ta’ €2.4 miljun fejn jinżammu l-oġġetti ta’ valur ikkonfiskati.

Qal ukoll li governanza tajba ma tiġix biss b’bidla fil-mentalità tal-Gvern iżda s-settur privat irid jagħmel l-parti tiegħu.

Għalkemm taw l-approvazzjoni tagħhom għall-abbozz, il-membri tal-Oppożizzjoni madankollu insistew li jista’ jissaħħaħ aktar, inkluż bid-dħul ta’ unexplained wealth orders, li jippermettu l-konfiska ta’ assi meta m’hemmx provi tal-provenjenza leġittima tagħhom.

Liġi li ddaħlet wara qtil ta’ ġurnalista

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech fakkar li din il-liġi qed tidħol wara l-qtil tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia. Hu spjega li l-istess ħaġa kienet ġrat fl-Irlanda wara l-qtil tal-ġurnalista Veronica Guerin, għalkemm f’dan il-każ, il-liġi daħlet ħafna aktar malajr.

Grech stqarr ukoll li r-rikavat mill-bureau hu ftit wisq: il-medja ta’ madwar €40,000 fis-sena lanqas biss tkopri l-ispejjeż amministrattivi tiegħu.

Minflok tlabtu maħfra u dawwartu l-paġna, iddefendejtu lil Muscat – Beppe Fenech Adami

Min-naħa tiegħu, d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-eks Prim Mnistru Joseph Muscat l-ewwel tkeċċa mill-uffiċċju tiegħu issa tkeċċa mill-parlament. Minkejja dan, minflok talab maħfra u dawwar il-paġna, il-gvern kompla jiddefendih.

Hu appella lill-gvern biex ma jibqax jikkawża ħsara irreparabbli għar-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta bil-korruzzjoni istituzzjonalizzata li daħħal fil-pajjiż wara l-2013.

Fenech Adami insista r-responsabbiltà għar-rapport tal-Moneyval hu tal-Prim Ministru attwali Robert Abela u sħabu li baqgħu jiddefendu lil Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Keith Schembri. Hu għamel hekk b’risposta għal Abela, li nsista li l-kap Nazzjonalista attwali Bernard Grech u l-predeċessur tiegħu Adrian Delia kellhom xi responsabbiltà minħabba li kellhom taxxi xi jħallsu.

Hu qal li l-pajjiż iħallas prezz għoli għal dak li seħħ fl-aħħar snin u jirriżulta li 89% tal-Maltin jaħsbu li l-korruzzjoni hi mifruxa meta l-medja fl-UE hi ta’ 71%.

F’Malta, 54% tal-nies iħossu li l-korruzzjoni taffettwa l-ħajja tan-nies; id-doppju tal-perstenaġġ fl-UE.