Inkjesta tindika li l-aġir tal-avukat Mercieca mhux permessibli fil-futur

Miguela Xuereb

L-inkjesta fl-aġir tal-avukat Charles Mercieca li minn mal-Avukat Ġenerali mar jiddefendi lill-akkużat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, indikat li l-aġir tal-avukat Mercieca mhux permessibli fil-futur. Dan filwaqt li l-inkjesta tgħid li mill-informazzjoni li għandha, l-avukat Mercieca ma kellhux aċċess għad-dokumenti tal-każ.

Il-Bord ta’ Inkjesta mmexxi mill-Prim Imħallef Emeritu Dr Joseph Azzopardi sab li l-kuntratt tal-avukati impjegati tal-Avukat Ġenerali m’għandux biżżejjed salvagwardji biex jipproteġi lill-uffiċċju kif jidher fil-korrettezza. Għaldaqstant, l-Inkjesta qed tirrakkomanda li l-avukati li jaħdmu f’dan l-uffiċċju ma jitħallewx jiddefendu persuni jew kumpaniji li jkunu ġew imressqa l-Qorti mill-Avukat Ġenerali fis-snin li l-avukat ikun ħadem mal-Gvern.

L-Inkjesta qalet ukoll li wara li jitlaq mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Avukat impjegat f’dan l-uffiċċju sa issa jista’ jagħmel kwalunkwe xogħol.

Dwar jekk kisirx il-kodiċi ta’ etika tal-avukati jew il-kodiċi kriminali, l-inkjesta qalet li ma kienx l-iskop tagħha li tiddetermina dan.

Dr Mercieca huwa t-tifel tal-eks Deputat Laburista Franco Mercieca.

Dwar jekk Mercieca ġiex f’kuntatt ma’ dokumenti dwar il-każ ta’ Yorgen Fenech, l-inkjesta tgħid li fl-uffiċċju fejn jaħdem Dr Mercieca jeżistu żewġ kopji tal-proċeduri fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech. Joħroġ li kopja minnhom tinsab għand id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u tinsab imsakkra filwaqt li l-kopja l-oħra tinsab għand ir-Reġistru u li minnha joħroġ li Mercieca ma kkonsultax din il-kopja.

L-inkjesta tgħid ukoll li ma kienx hemm diskussjonijiet dwar il-każ fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li Dr Mercieca kien involut fihom.

Ir-rapport tal-Inkjesta:

Il-Gvern ippubblika wkoll it-Terms of Reference tal-Inkjesta: