Inkjesta ssib l-AFM u l-PM mhux ħatja ta’ omiċidju

AFM

Read in English.

Inkjesta maġisterjali kkonkludiet li l-AFM u l-Prim Ministru ma kinux responsabbli ta’ omiċidju fuq immigranti.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ordna lill-Pulizija biex tkompli tinvestiga għadd ta’ persuni. Skont Mifsud, dawn kienu responsabbli għat-telf tal-ħajjiet. L-ismijiet ta’ dawn il-persuni ma ġewx ippubblikati.

Parti mill-konklużjonjiet tal-inkjesta

F’ittra datata fit-30 ta’ Mejju, l-avukat ġenerali Peter Grech qal lill-PM Robert Abela li kien qed jgħaddilu kopja tal-proċess verbal. Abela talab għal kopja fis-27 ta’ Mejju.

Il-Maġistrat Mifsud ikkonkluda li “l-allegazzjonijiet li saru u li jolqtu l-mertu tal-inkjesta ma nstabux li huma msejsa fuq il-provi: la tax-xhieda okulari u lanqas dawk dokumentarji.”

Fl-ewwel reazzjoni tagħha l-għaqda Repubblika qalet li “inkjesta maġisterjali mhix proċess ġudizzjarju. La tista’ ssib lil xi ħadd ħati u lanqas innoċenti. Xogħol l-inkjesta hu li tfittex u tiġbor il-provi.”

Kif bdiet l-inkjesta? X’ġie allegat?

Din l-inkjesta kienet skattat mid-denunzja tal-NGO Repubblika. L-għaqda allegat li diversi persuni nqatlu għal t’apposta fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta.

Permezz tad-denunzja tagħha Repubblika allegat li numru ta’ persuni li kienu bejn sema’ u ilma fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta mietu għax ma ġewx salvati wara jiem sħaħ fuq il-baħar. F’denunzja oħra allegat li l-ekwipaġġ tal-Patrol Boat P52 minflok salva lin-nies għamel sabutaġġ. Dan bl-iskop li jqiegħed il-ħajja tan-nies f’periklu.

Fl-inkjesta ttieħdet ix-xhieda ta’ 66 persuna mis-Sudan li waslu Malta fid-9 ta’ April. Xhedu wkoll il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap Kmandant tal-AFM Jeffrey Curmi, il-blogger Manuel Delia, u Neville Gafà fost persuni oħra.

Ir-rapport tal-inkjesta jgħid li fil-21 ta’ April Repubblika tat evidenza lill-maġistrat li tħoss li turi li ma kienx hemm intenzjonijiet ħżiena mill-ekwipaġġ tal-P52 meta xi ħadd qata’ l-konnessjoni tal-magna tad-dgħajsa tal-immigranti.

Repubblika ppreżentat ukoll rapport li deher fuq Newsbook.com.mt lil Maġistrat inkwerenti. Dan kien dwar artiklu esklussiv li ppubblika Newsbook dwar ix-xhieda ta’ Gafà fl-inkjesta.

Fix-xhieda tiegħu l-Brigadier Jeffrey Curmi qal li l-AFM ġiet infurmata bil-każ fil-11 ta’ April fl-3.40am permezz ta’ email. Qal li skont l-informazzjoni tal-GPS li rċevew dak il-ħin, id-dgħajsa kienet fiż-żona ta’ salvataġġ tal-Libja. Spjega li fit-12 ta’ April fil-11.45am l-AFM ikkonfermat li d-dgħajsa kienet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.

Qal li tkellem mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jaraw jekk jistgħux isibu opri tal-baħar privati biex jassistu. Spjega li fi ftit sigħat instqabu żewġ dgħajjes tas-sajd li kienu lesti jsalvaw lin-nies.

Curmi qal li dawn iż-żewġ dgħajjes telqu minn Malta fit-12 ta’ April bejn id-9pm u d-9.30pm. Waħda marret tfittex dinghy u l-oħra marret tfittex dinghy oħra. Dinghy minnom laħqet instabet mid-dgħajsa Aita Mari li hija ta’ NGO.

Fit-13 ta’ April l-AFM bgħatet ajruplan biex jippruvaw isibu d-dinghy l-oħra. Din instabet fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta.

Curmi qal li fl-14 ta’ April fis-2.30am waħda mid-dgħajjes tas-sajd waslet ħdejn id-dinghy u ngħatat struzzjonijiet biex tgħabbi lil kulħadd fuqha. Qal li infurmawh li nstabu seba’ persuni mejtin fuq id-dinghy. Ħamsa ttellgħu imma tnejn tniżżlu fil-qiegħ tal-baħar meta niżel id-dinghy.

“U minn hemm il-fishing vessel salpat lejn Tripli,” qal Curmi.

Il-Maġistrat qal li staqsa lil Curmi min ħa d-deċiżjoni biex id-dgħajsa tmur lejn it-Tripli, Curmi qal li l-armata ħadet ħsieb is-salvataġġ. Kompla jgħid li peress li l-portijiet tal-Italja u Malta kienu magħluqin minħabba l-coronavirus, ittieħdet id-deċiżjoni biex dawn jittieħdu l-Libja.

Jeffrey Curmi qal li l-AFM għamlet aktar milli setgħet.

Il-Maġistrat staqsa lil Curmi għalfejn l-armata ma qalet xejn dwar dak li kienet qed tgħid Repubblika. Curmi qal li mhuwiex “obbligat illi kull fake news illi toħroġ fil-midja jiena ħa noqgħod inwieġeb.”

Għamilna d-denunzji għax il-Gvern ma tax informazzjoni – Repubblika

L-għaqda Repubblika ħarġet stqarrija bl-ewwel reazzjoni tagħha għar-rapport tal-inkjesta.

Qalet li se teżamina r-rapport fid-dettall u jekk tħoss il-ħtieġa tagħmel aktar kummenti ‘l quddiem.

Repubblika elenkat erba’ punti prinċipali fl-istqarrija tagħha:

  • Denunzja mhix allegazzjoni ta’ ħtija. Hija talba għal investigazzjoni
  • Inkjesta maġisterjali ma tistax issib nies ħatja jew innoċenti
  • Għamlet id-denunzji għax il-Gvern għamel 10 ijiem mingħajr ma jagħti informazzjoni dwar dak li ġara
  • Is-suldati kien jixirqilhom li l-Gvern jara li dak li ġara jkun spjegat

Issa kollox f’idejn Adrian Delia – PL

F’reazzjoni għall-Inkjesta, il-PL qal li l-MP tal-PN u avukat Jason Azzopardi “għamel allegazzjonijiet serji u foloz fil-konfront tal-Prim Ministru, il-Brigadier u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.”

Il-PL allega li Jason Azzopardi nstiga d-denunzji ta’ Repubblika.

“Jekk Jason Azzopardi ma jerfax ir-responsabbilita sħiħa għall-azzjonijiet tiegħu, x’se jagħmel il-Kap tiegħu?” staqsa l-PL.

Tista’ taqra l-istqarrija sħiħa ta’ Repubblika minn hawn:

Tista’ tniżżel kopja tar-rapport dwar l-inkjesta minn hawn.

Reazzjonijiet fuq il-midja soċjali

https://www.facebook.com/franco.debono.520/posts/254643782278055