Inkjesta sptarijiet: It-3 Ministri investigati għat-tieni darba

Read in English.

Il-Qorti ordnat li ssir inkjesta fuq it-tliet Ministri tal-Gvern, Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona dwar il-ftehim tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet pubbliċi lill-Vitals Global Healthcare (VGH).

Il-Maġistrat Doreen Clarke qalet li hemm ir-rekwiżiti kollha biex tinfetaħ inkejesta. L-għaqda mhux governattiva Repubblika, fil-Qorti ressqet talba ġdida biex issir inkjesta wara li f’Ottubru li għadda l-Imħallef Giovanni Grixti li ppreseda fil-Qorti tal-Appell waqqa’ d-deċiżjoni tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. L-għaqda Repubblika kienet talbet li ssir inkjesta dwar l-involviment tat-tliet Ministri kif ukoll Ivan Vassallo.

Il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u l-Minsitru tal-Finanzi Edward Scicluna appellaw d-deċiżjoni tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Il-Qorti qed tinvestiga l-każ wara li Ivan Vassallo ma appellax minn din id-deċiżjoni.

Il-Maġistrat Doreen Clarke fid-deċiżjoni tagħha qalet li ċ-ċittadin ma kellux id-dritt li jiġbor il-provi filwaqt li l-privat seta’ jagħmel inkjesta. Il-Maġsitrat qalet li mhux se tkun qed tiddeċiedi dwar jekk l-argumenti tal-Ministri jagħmlux sens jew le għax dawn se jkunu deċisivi fl-inkjesta.

Intant fi stqarrija l-Ministri Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi qalu li se jkunu qed jappellaw minn din id-deċiżjoni. Huwa qalu li ħafna mid-dokumenti li l-għaqda Repubblika ppreżentat mhux se jkunu qed jiġu kkunsidrati bħala evidenza. Żiedu li l-allegazzjonijiet ta’ din l-għaqda għandhom jiġu referuti għall-inkjesta maġisterjali li qed tinvestiga lil Ivan Vassallo.