Ir-Russja ma taċċettax ir-riżultat tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Litvinenko

Aġġornata:
Kif mistenni, ir-Russja rreaġixxiet b’mod iebes għar-riżultat ta’ inkjesta ppubblikat dalgħodu dwar il-qtil tar-Russu Alexander Litvinenko fl-2006 u l-allegazzjoni ta’ sehem il-President Vladimir Putin.
Skont l-ambaxxatur Russu fl-Ingilterra, ir-Russja mhix se taċċetta deċiżjonijiet meħuda wara bibien magħluqa waqt li tefa dubju għaliex l-inkjesta ħadet dawn is-snin kollha.
Qal ukoll li d-dikjarazzjonijiet tar-Renju Unit ma jistgħux ma jagħmlux ħsara lir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi waqt li ddeskriva l-inkjesta bħala waħda politiċizzata.
Sadattant, politiċi fir-Renju Unit qed jagħfsu għal azzjoni iebsa fil-konfront tar-Russja. 
Iktar kmieni:
Inkjesta minn uffiċjali għolja Ingliżi dwar il-mewt ta’ spija Russu fi sptar f’Londra fl-2006 turi li l-President Russu, Vladimir Putin, kien b’xi mod involut.
L-eks-KGB, iktar tard kritiku tal-Kremlin, Alexander Litvinenko, miet wara li xorob tazza tè li fiha kien hemm velenu tal-polonju, maħdum kważi b’mod esklussiv fir-Russja.
Ir-rapport tal-inkjesta, ippubblikat dalgħodu, fost it-320 paġna jgħid li l-qtil ta’ Litvinenko probabbli kien approvat minn Putin u mill-kap tas-servizz ta’ spiji.
Il-Pulizija Ingliża kienu akkużaw bi qtil, liż-żewġt irġiel li magħhom Litvinenko kien mar jieħu tè, iżda t-tnejn dejjem ċaħdu l-akkużi.
It-traċċi tal-velenu nstabu f’demm Litvinenko wara li t-tobba ma setgħux jidentifikaw x’wassal għal mard vjolenti fi ftit ħin.