Inkjesta pubblika: Tkompli t-Tnejn; x’ħareġ s’issa?

REUTERS/Guglielmo Mangiapane/File Photo

Għada se tkompli tinstema l-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji Maltija (MFSA) mistennija twieġeb il-mistoqsijiet tal-Bord tal-Inkjesta u l-avukati, b’mod speċjali dwar il-Bank Pilatus.

L-ewwel seduta tal-inkjesta pubblika saret fis-6 ta’ Diċembru tal-2019. Dan wara li l-Gvern li dak iż-żmien kien għadu mmexxi minn Joseph Muscat bħala Prim Ministru kien ħatar l-inkjesta fl-20 ta’ Settembru tal-2019. Wara qbil mal-familja Caruana Galizia dwar il-membri tal-Bord tal-Inkjesta f’Novembru, il-każ beda għaddej fil-Qorti.

Min xehed s’issa?

  • Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata
  • Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-ġurnalista
  • Rose Vella, omm Daphne
  • Michael Vella, omm Daphne
  • Megan Mallia, in-neputija tal-ġurnalista
  • Corinne Vella, oħt Daphne
  • Andrew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista
  • John Rizzo, l-Eks Kummissarju tal-Pulizija
  • Anġlu Farrugia, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati
  • Peter Paul Zammit, l-Eks Kummissarju tal-Pulizija
  • Michael Cassar, l-Eks Kummissarju tal-Pulizija
  • Sandro Chetcuti, il-Kap tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi f’Malta
  • Ray Zammit, l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija
  • Manfred Galdes, l-eks direttur tal-FIAU
  • Kenneth Farrugia, direttur kurrenti tal-FIAU
  • Joseph Bugeja, il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà
  • Joe Bannister, l-eks Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA)
  • Jonathan Ferris, l-eks Spettur tal-Pulizija u investigatur tal-FIAU

Nhar is-6 ta’ Diċembru kienu xehdu iben u r-raġel tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia u Peter Caruana Galizia. Matthew Caruana Galizia kien qal fost l-oħrajn li l-agħar theddida fuq ommu kienet meta l-eks Ministru Chris Cardona ffriżalha l-kontijiet tal-bank. Intant, Peter Caruana Galizia sostna li l-Gvern qatt ma ħareġ dikjarazzjonijiet pubbliċi biex iwaqqaf il-mibgħeda fil-konfront ta’ martu.

Ix-xhieda tal-qraba ta’ Caruana Galizia kompliet fl-10 ta’ Diċembru tal-2019. Ommha Rose Vella, qalet li rat lil bintha għall-aħħar darba 40 siegħa qabel inqatlet brutalment. Michael Vella, missier Daphne, qal li kieku l-awtoritajiet għamlu xogħolhom kieku Daphne għadha ħajja. Waħda min-neputijiet ta’ Caruana Galizia, Megan Mallia qalet li kien hemm min kien jgħidilha biex tħaffer ħofra ħdejn il-qabar tagħha u tmut ħdejha.

It-tielet seduta seħħet nhar is-27 ta’ Diċembru tal-2017, fejn komplew jixhdu l-qraba ta’ Caruana Galizia. Oħtha Corinne Vella qalet li Daphne kienet tissuspetta li n-negozju proprju ta’ Keith Schembri kien il-ħasil tal-flus. Intant, iben Daphne, Andrew Caruana Galizia qal li il-Bank Pilatus għalaq bis-saħħa ta’ ommu. Sostna li Roadblock tawwal il-ħajja ta’ ommu bi ftit jiem.

Fis-7 ta’ Jannar xhedu aktar persuni, partikolarment l-Eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo u l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. Farrugia kien qal li lil Keith Schembri kien jarah fir-raba sular tal-kwartieri tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni general tal-2013. Dan is-sular hu ma kienx jista’ jaċċessah minkejja li kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista dak iż-żmien. Intant, l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo qal li malli ħa l-kariga baqa’ jipprovdi protezzjoni lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia skont il-bżonn taż-żmien. Hu insista li kien jinvestiga kull l-iċken allegazzjoni, ġejja minn fejn ġejja, inkluż dak li kienet tikteb Daphne Caruana Galizia fil-blogg tagħha.

Fid-9 ta’ Jannar xehdu aktar eks-Kummissarji tal-Pulizija. L-eks Kummissarju Peter Paul Zammit qal li kien hemm għassa kontinwa għal xi ħamest ijiem tul l-elezzjoni tal-2017. Imbagħad kien hemm għassa frekwenti. L-eks Kummissarju Michael Cassar spjega li għaddietlu minn moħħu biex ikun hemm għassa fissa mad-dar ta’ Caruana Galizia. Dwar ir-rapport tal-FIAU fuq Schembri u Tonna, qal li fetaħ każ jismu Operation Green, fit-8 t’April tal-2016.

Sandro Chetcuti, il-Kap tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi f’Malta, u l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit xehdu fit-13 ta’ Jannar. Zammit qal li għadu sal-lum ma jafx għaliex kien tpoġġa bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija. Min-naħa tiegħu, Sandro Chetcuti qall li għandu relazzjoni ta’ xogħol tajba ma’ Konrad Mizzi u ddeskrivieh bħala ħabib.

Matul is-sessjoni tal-20 ta’ Jannar xehed l-eks direttur tal-FIAU Manfred Galdes. Galdes għamel xi ħin jixhed wara bibien magħluqa. Hu kien qal li kienet “suspettuża l-affari” kif ma ngħatawx riżorsi lill-FIAU meta beda jiġi investigat Keith Schembri. Wara xehed id-direttur kurrenti tal-FIAU, Kenneth Farrugia. Hu qal li kienu ntbagħtu lill-Pulizija rapporti dwar 15-il każ b’rabta mal-Panama Papers. Qal li kien hemm rapporti li kienu jinvolvu PEPs, fosthom dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Fit-22 ta’ Jannar, xehed il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà Joseph Bugeja. Filwaqt li l-maġġoranza tax-xhieda tiegħu ngħatat fil-magħluq, hu qal li hemm is-security committee li jinkludi l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni fost oħrajn. Semma li hemm kumitat ieħor immexxi minn Imħallef li kull sena jagħmel rapport ġenerali dwar il-ħidma tal-MSS.

Intant, fis-27 ta’ Jannar xehdu l-eks Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joe Bannister u anke l-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li ried jagħmel xi kjarifiki għax-xhieda preċedenti tiegħu. Bannister kien ġie mistoqsi jekk kienx jikkonsulta mal-Prim Ministru, qal li “mhux wisq, mhux daqskemm qed tinsinwa int.” Qal li l-aktar li kienet issir konsultazzjoni mal-Prim Ministru kien fuq affarijiet barranin, pereżempju fuqiex se jkun l-impatt ta’ Brexit fuq is-sitwazzjoni finanzjarja. Bannister qal li qatt ma kien jirrapporta lill-Prim Ministru fuq il-Bank Pilatus. 

Dakinhar, Il-Bord tal-Inkjesta fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wera xettiċiżmu waqt ix-xhieda ta’ Bannister. Dan billi Bannister kontinwament qal fix-xhieda tiegħu li ma kienx jaf bir-rapporti li kienu qegħdin isiru fl-MFSA dwar il-Panama Papers u l-Bank Pilatus, peress li dawn ma kinux jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu.

Intant, fl-aħħar seduta li saret fid-29 ta’ Jannar, xehed l-eks Spettur tal-Pulizija u investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris. Dakinhar irrakkonta kif darba kienet ċemplitlu l-ġurnalista assassinata fejn kellhom telefonata twila b’argument dwar il-whistelblower Maria Efimova. Hu kien qal li qatt ma ltaqa’ mal-ġurnalista.

Trid tkun taf x’se jingħad għada fil-Qorti? Segwi Newsbook.com.mt li se jkun qed jagħti rappurtaġġ minuta b’minuta. Is-seduta ta’ għada mistennija tibda għall-ħabta tas-2pm.