Inkjesta Panama Papers: Nuqqas ta’ qbil bejn il-Kamra tal-Avukati u l-PN, il-PL jikkritika lil Busuttil

Wara li l-Kamra tal-Avukati esprimiet it-tħassib tagħha dwar dak li staqsa lbieraħ Simon Busuttil, dwar kif tista' ssir ġustizzja jekk mart l-Imħallef Antonio Mizzi li għandu quddiemu l-appell dwar il-Panama Papers, hija d-Deputat Laburista Marlene Mizzi, il-PN qed jitlob biex il-każ tal-appell jinstema minn Imħallef ieħor. 
Fl-istqarrija, il-PN sostna li hu favur rispett sħiħ lejn il-ġudikatura ta’ Malta u l-indipendenza tagħha. Madanakollu stqarr li quddiem dan il-fatt magħruf, huwa naturali li wieħed jitlob li m’għandux ikun l-Imħallef Mizzi li jiddeċiedi dan l-appell. Żied jgħid li b’hekk il-ġustizzja mhux biss issir, iżda tkun tidher li qed issir.
Aktar kmieni, il-Kamra tal-Avukati appellat biex il-politiċi, ġurnalisti u bloggers iħallu lill-ġudikatura taqdi dmirijietha b’serenità u mingħajr ebda pressjoni.
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Avukati saħqet li dak li qal Dr Busuttil jitfa’ dell ikrah fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Imħallef ikkonċernat u fuq il-Ġudikatura inġenerali.
Sostniet li Dr Busuttil għandu juża l-mezzi legali disponibbli għalih jekk jidhirlu li għandu xi dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità fil-konfront ta’ xi ġudikant partikolari.
“Simon Busuttil b’attakk fuq il-ġudikatura għax għandu dahru mal-ħajt” – PL
B’reazzjoni l-Partit Laburista qal li wara li ilu aktar minn sena għaddej b’attakki u gideb bla ħniena, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed iwettaq attakk fuq il-ġudikatura u l-membri tal-istess ġudikatura.
Fi stqarrija, il-PL qal li għat-talba tal-Kamra tal-Avukati biex jirtira d-diskors li qal, Dr Busuttil infexx f’mewġa oħra ta’ attakki kontra l-membri tal-ġudikatura għax huwa jemmen li jista’ jgħid u jagħmel li jrid.
Temm jgħid li min-naħa tiegħu jaqbel jew ma jaqbilx mad-deċiżjonijiet tal-Qorti huwa jibqa’ jirrispettahom għax hekk titlob ir-responsabbiltà u r-rispett lejn l-istituzzjonijiet.