Inkjesta Panama Papers: “Muscat għadu biċ-ċans li jirtira l-appell” – Busuttil

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat għadu biċ-ċans li jirtira l-appell biex l-inkjesta dwar il-Panama Papers tibda mingħajr aktar dewmien.
Fil-Parlament, waqt id-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li qed jemenda l-liġijiet kriminali dwar it-terroriżmu,  Dr Busuttil qal li Muscat jgħid mod u jagħmel ieħor, billi jkompli jiġbed it-tapit minn taħt l-inkjesta tal-Panama Papers.
Irrimarka li hu ilu minn Lulju 2017 jitlob inkjesta dwar il-Panama Papers iżda t-talba tiegħu sabet ostaklu wieħed wara l-ieħor mill-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

Irrefera għal dak li tħabbar dalgħodu, li issa l-Appell dwar l-inkjesta tal-Panama Papers ġie assenjat lill-Imħallef Giovanni Griscti. Stqarr li bl-Imħallef Antonio Mizzi jirtira mill-Bank tal-Imħallfin, taqa’ l-oġġezzjoni li kellu li dan l-Appell kien se jinqata’ minn Imħallef miżżewweġ lil Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi.