Inkjesta ħelikopter: Ippubblikat paragrafu wieħed; X’fihom id-dokumenti?

Sa issa l-Gvern la għadu ma ppubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta immexxija mill-Prof Joseph Cacciattolo u l-anqas ma wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk hux fi ħsiebu jagħmel dan u, jekk le, għaliex. Kien il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li kien qal lil Newsbook.com.mt illi waqqaf Bord ta’ Inkjesta dwar il-mewt ta’ raġel li skont diversi rapporti dam biex jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għax ma kienx hemm l-ambulanza tal-ajru lesta. Dawn ir-rapporti kienu kontestati mill-awtoritajiet tal-isptar immexxi minn Steward Healthcare.

Skont l-unika paragrafu li ġie ppubblikat mill-Gvern jingħad li ma kienx hemm nuqqas min-naħa tal-isptar.

Din il-konklużjoni tikkuntrasta mad-dokumenti uffiċjali fl-isptar ta’ Għawdex u fil-Mater Dei li ra Newsbook.com.mt.

Skont id-dokumenti li ra Newsbook.com.mt hemm miktub ċar u tond illi t-tobba qalu li l-pazjent kellu jingħata t-trattament fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba li l-ħelikopter ma kienx disponibbli.

Dokumenti oħra, din id-darba miktuba mit-tobba fl-Isptar Mater Dei fil-5pm jiddokumentaw ukoll il-fatt li l-pazjent ħa t-trattament fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba li l-ħelikopter ma kienx disponibbli.

Mhux magħruf jekk l-inkjesta mmexxija mill-Professur Joseph Cacciottolo kellhix l-istess dokumenti minħabba li r-rapport tal-inkjesta ma ġiex ippubblikat iżda ġie ppubblikat paragrafu wieħed mid-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Gvern.

Il-ħelikopter mingħajr kopilota; “issugraw ħajjithom biex telgħu”

Sors fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ħelikopter kien qed jiġi mtajjar mingħajr kopilota. Qal li l-persuni li użaw il-ħelikopter “issugraw ħajjithom biex telgħu”. Spjegaw ukoll li dan kien “sogru” għat-tabib u l-infermiera li akkumpanjaw lill-pazjent.

Il-Gvern fi stqarrija qal li bord independenti, immexxi mill-Professur Joseph Cacciottolo, ma sabx li kien hemm nuqqas fis-servizz tal-ħelikopter.

Fl-istqarrija, il-Gvern ippubblika parti qasira mill-konklużjoni tal-bord fejn jingħad li l-proċeduri adottati kienu normali skont il-protokoll.

 The procedures followed were in line with established normal practice and protocols. No difficulties were encountered during the transfer of the patient from GGH to MDH. The patient was only transferred to MDH once the attending physician considered that it was safe to do so. The air ambulance helicopter was available when a decision was taken that the patient needed transfer to MDH.

L-istess argument kien ippubblikat ftit minuti wara li seħħ l-inċident mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar ta’ Għawdex Joe Fenech li f’post fuq Facebook qal li l-pazjent ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jittieħed Malta bil-ħelikopter. Il-post tas-Sur Fenech tneħħiet minn Facebook jumejn wara li ttellgħet iżda Newsbook.com.mt qed jerġa’ jippubblika kopja tagħha.

Fi stqarrija, ġurnata wara li tħabbar li l-inkjesta ppreżentat ir-rapport tagħha lill-Ministru għas-Saħħa, il-Kap Eżekuttiv Joe Fenech kien ikkwotat jgħid li l-isptar immexxi minn Steward f’Għawdex investa f’karozzi apposta biex il-pazjenti li jkollhom bżonn trasport bejn Għawdex u Malta u viċiversa “se jkunu qed jiġu trasportati peremzz ta’ karozzi aktar siguri u komdi”.

Steward qalu fi stqarrija li dan l-investiment ta’ 18-il karozza huwa eżempju ieħor tal-impenn li Steward għandhom biex itejjbu l-infrastruttura tal-isptarijiet f’Malta u Għawdex permezz ta’ aċċessibiltà aħjar.